Immunità parlamentari 

L-immunità parlamentari mhijiex privileġġ personali ta’ Membru, iżda tiggarantixxi li Membru tal-PE jkun jista’ jeżerċita b’mod liberu l-mandat tiegħu mingħajr ma jiġi espost għal persekuzzjoni politika arbitrarja. L-immunità parlamentari bħala tali tiggarantixxi l-indipendenza u l-integrità tal-Parlament fit-totalità tiegħu.


Il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħu jkunu soġġetti għall-ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċedura legali, minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala Membri tal-PE.


L-immunità tal-Membri tal-PE hija doppja:

  • fl-Istat Membru tagħhom, simili għall-immunità mogħtija lill-membri tal-parlamenti nazzjonali; u
  • fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali (l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7).

L-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fil-fatt ta’ reat.

Kif tista’ titneħħa jew tiġi mħarsa l-immunità?


Fi tweġiba għal talba minn awtorità nazzjonali kompetenti lill-Parlament Ewropew għat-tneħħija tal-immunità ta’ Membru (jew għal talba minn Membru jew eks Membru għall-ħarsien tal-immunità tiegħu), il-President tal-Parlament iħabbar it-talba lill-plenarja u jirreferiha lill-kumitat parlamentari responsabbli (il-Kumitat għall-Affarijiet Legali).


Il-kumitat jista’ jitlob kwalunkwe informazzjoni jew spjegazzjoni li jqis meħtieġa. Il-Membru tal-PE kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema’ u jista’ jippreżenta kwalunkwe dokument rilevanti jew evidenza oħra bil-miktub.


Il-Kumitat jadotta, bil-magħluq (jiġifieri, fil-privat), u jressaq quddiem il-Parlament kollu rakkomandazzjoni dwar jekk japprovax jew jiċħadx it-talba biex titneħħa jew titħares l-immunità tal-Membru, b’votazzjoni ta’ maġġoranza sempliċi. Wara l-votazzjoni, il-President jikkomunika minnufih id-deċiżjoni tal-Parlament lill-Membru tal-PE u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.


L-avviżi kollha dwar il-proċessi tal-immunità jistgħu jinstabu billi ssir tfittxija fit-taqsima “Minuti” tas-sit web tal-Parlament.

Membru tal-Parlament Ewropew iżomm is-siġġu tiegħu anke jekk titneħħielu l-immunità?


Iva, il-mandat ta’ Membru tal-PE huwa mandat nazzjonali u l-ebda awtorità oħra ma tista’ tneħħihielu. Barra minn hekk, it-tneħħija tal-immunità ta’ Membru tal-PE mhijiex sentenza ta’ “ħtija”, iżda tippermetti biss lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jipproċedu b’investigazzjoni jew bi proċess. Peress li l-Membri tal-PE jiġu eletti skont il-liġi elettorali nazzjonali, jekk jinstabu ħatja ta’ reat, sta għall-awtoritajiet tal-Istat Membru jiddeċiedu dwar jekk jiddekadix il-mandat tiegħu jew le.

Aktar informazzjoni