Is-sessjonijiet plenarji
Is-sessjonijiet plenarji tal-Parlament isiru 12-il darba fis-sena fi Strażburgu u jdumu erbat ijiem (mit-Tnejn sal-Ħamis). Sessjonijiet parzjali addizzjonali jsiru fi Brussell.
Il-ħidma fil-plenarja tiffoka prinċipalment fuq id-dibattiti u l-votazzjonijiet. Huma biss it-testi adottati fil-plenarja li jikkostitwixxu formalment l-atti tal-Parlament Ewropew. Dawn jistgħu jkunu rapporti leġiżlattivi, rapporti skont il-proċeduri baġitarji, rapporti mhux leġiżlattivi u riżoluzzjonijiet.
Qabel kull sessjoni parzjali, il-Konferenza tal-Presidenti tfassal abbozz tal-aġenda tal-plenarja, abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati. Fil-bidu ta’ kull sessjoni parzjali, il-Parlament għandu jadotta l-aġenda tiegħu.
Kumitat, grupp politiku jew mhux anqas minn wieħed minn kull għaxra tal-Membri jistgħu jipproponu emenda waħda għall-abbozz tal-aġenda definittiv, b’reazzjoni għall-aħħar avvenimenti jew żviluppi politiċi. Kull proposta għal tali emendi trid tasal għand il-President mhux anqas minn siegħa qabel ma tiftaħ is-sessjoni parzjali. Biex jiġu approvati l-emendi għall-aġenda, hemm bżonn ta’ maġġoranza tal-voti mitfugħa.
Matul id-dibattiti, il-ħin għad-diskorsi jiġi allokat skont ir-Regoli ta’ Proċedura: l-ewwel frazzjoni tal-ħin għad-diskorsi tinqasam b’mod ugwali fost il-gruppi politiċi kollha, imbagħad frazzjoni oħra tinqasam fost il-gruppi fi proporzjon man-numru totali tal-Membri tal-PE tagħhom. Il-gruppi mbagħad jiddeċiedu internament min se jitkellem u għal kemm ħin. Il-President għandu jiżgura li dawn il-ħinijiet għad-diskorsi jkunu rispettati.
Meta jkun wasal il-ħin biex jivvutaw, il-Membri tal-PE ġeneralment jagħmlu dan b’turija tal-idejn u l-President tas-seduta jiddetermina l-maġġoranzi f’kull każ. Jekk ir-riżultat tal-votazzjoni b’turija tal-idejn ma jkunx ċar, il-President isejjaħ votazzjoni elettronika biex jikkonferma n-numri fuq kull naħa.
Barra minn hekk, trid issir votazzjoni b’sejħa tal-ismijiet jekk din tintalab minn grupp politiku jew minn mill-anqas 5% tal-Membri kollha filgħaxija tal-ġurnata ta’ qabel il-votazzjoni. F’dan il-każ, il-votazzjoni mitfugħa minn kull Membru tal-PE tiġi rreġistrata u ppubblikata f’anness għall-minuti. Min-naħa l-oħra, 20% tal-Membri kollha tal-PE jistgħu jitolbu votazzjoni sigrieta.
Il-listi tal-attendenza jistgħu jiġu kkonsultati fit-taqsima “Minuti” tas-sit web tal-Parlament, l-ewwel billi tikklikkja fuq data fil-kalendarju li jinsab fuq in-naħa tal-lemin tal-paġna u mbagħad fuq “Reġistru tal-Attendenza”. It-Taqsima “Votazzjonijiet” tas-sit web turi r-riżultati tal-votazzjonijiet fil-plenarja.
Attivitajiet oħra matul is-sessjonijiet plenarji
F’jum tipiku tas-sessjoni, is-seduta tibda fid-disgħa ta’ filgħodu u jaf tibqa’ sejra sa nofsillejl.
Il-Membri tal-PE jorganizzaw huma stess l-eżerċizzju tal-mandat liberu tagħhom u l-preżenza tagħhom fil-Kamra tista’ tvarja peress li jista’ jkollhom attivitajiet oħra (eż. laqgħat ta’ gruppi politiċi, delegazzjonijiet interparlamentari, gruppi ta’ ħidma, delegazzjonijiet nazzjonali, jew saħansitra laqgħat tal-kumitati, negozjati interistituzzjonali, laqgħat maċ-ċittadini, mal-media, ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, eċċ.) b’mod parallel mad-dibattiti plenarji. Barra minn hekk, il-Membri tal-PE għandhom il-possibbiltà li jsegwu d-dibattiti mill-uffiċċji tagħhom waqt li jabbozzaw l-emendi jew jiffinalizzaw il-listi tal-votazzjoni tagħhom għall-votazzjonijiet f’nofsinhar, waqt li jkollhom laqgħat mal-persunal tagħhom, ma’ esperti, rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet oħra, ġurnalisti, eċċ.
Aktar informazzjoni
- Il-gwida għall-plenarja
- Is-sit web tal-plenarja
- L-Artikolu 178 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew: Allokazzjoni ta’ ħin għad-diskorsi
- Il-Kapitolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew: Kworum, emendi u votazzjoni