X’inhuma s-setgħat tal-Parlament Ewropew? 

Elett direttament miċ-ċittadini tal-UE kull ħames snin, il-Parlament Ewropew huwa forum importanti għad-dibattitu politiku u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-UE. Il-Membri tal-Parlament Ewropew:

  • jemendaw u jadottaw l-leġiżlazzjoni tal-UE, flimkien mar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-UE fil-Kunsill
  • jiddeċiedi l-baġit tal-UE, ukoll flimkien mal-Kunsill
  • jeleġġu l-President tal-Kummissjoni Ewropea u japprovaw il-Kummissjoni kollha kemm hi
  • jiskrutinizzaw ix-xogħol tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, u kif jużaw il-baġit tal-UE
  • u jiddjalogaw ma’ pajjiżi mhux tal-UE permezz tad-diplomazija parlamentari.



Is-setgħat leġiżlattivi


Il-maġġoranza l-kbira tal-liġijiet tal-UE tgħaddi mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja (spiss imsejħa “kodeċiżjoni”, kif kienet magħrufa qabel). Hija l-proċess standard tat-teħid ta’ deċiżjonijiet leġiżlattivi tal-UE, li jagħti l-istess piż lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (li jirrappreżenta lill-Istati Membri tal-UE). Tapplika għal firxa wiesgħa ta’ oqsma, bħall-migrazzjoni, l-enerġija, it-trasport, it-tibdil fil-klima, l-ambjent, il-ħarsien tal-konsumatur u l-governanza ekonomika.


Proċedura oħra ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet hija l-proċedura ta’ “approvazzjoni”. Tfisser li l-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa u tapplika għal kwistjonijiet bħall-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda tal-UE kif ukoll għall-ftehimiet kummerċjali internazzjonali tal-UE. L-elezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ssir skont il-proċedura ta’ approvazzjoni.


Il-proċedura ta’ “konsultazzjoni” tapplika f’oqsma ta’ politika bħat-tassazzjoni, il-liġi tal-kompetizzjoni u l-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Tippermetti lill-Parlament japprova jew jirrifjuta proposta leġiżlattiva, kif ukoll jipproponi emendi għaliha. Għalkemm il-pożizzjoni tal-Parlament ma torbotx lill-Kunsill, dan tal-aħħar irid jikkonsulta lill-Parlament u jistenna l-pożizzjoni tiegħu qabel ma jieħu deċiżjoni. Jekk dan ma jsirx, l-att ikun illegali u jkun suġġett għal annullament potenzjali mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, meta l-Kunsill ibiddel proposta b’mod sostanzjali, irid jerġa’ jikkonsulta lill-Parlament.

X’jiġri fil-każ tal-inizjattiva leġiżlattiva? Min jibdieh il-proċess leġiżlattiv?


Għalkemm hija l-Kummissjoni li tipproponi liġijiet ġodda tal-UE, il-Parlament jista’ jieħu l-inizjattiva billi jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva. Meta jirrikorru għal “inizjattiva leġiżlattiva”, il-Membri tal-PE jistgħu jistabbilixxu skadenza għat-tressiq ta’ proposta. Jekk il-Kummissjoni tirrifjuta, hija jkollha tispjega għalfejn.

Atti delegati/ta’ implimentazzjoni


Meta jadottaw liġi ġdida, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tagħmel żidiet jew bidliet żgħar, bħal annessi jew aġġornamenti tekniċi, permezz ta’ atti delegati (atti li jissupplimentaw jew jemendaw partijiet mil-liġi) jew atti ta’ implimentazzjoni (li jagħtu d-dettalji dwar kif tiġi implimentata l-liġi). B’dan il-mod, il-leġiżlazzjoni tista’ tibqa’ sempliċi u aġġornata mingħajr ma jkun hemm bżonn li jibdew negozjati ġodda.


Skont it-tip ta’ att li tadotta l-Kummissjoni, il-Membri tal-PE għandhom għażliet differenti għad-dispożizzjoni tagħhom jekk ma jaqblux mal-miżuri li jitressqu. Fil-każ ta’ atti delegati, il-Membri tal-PE għandhom id-dritt ta’ veto.


Għall-atti ta’ implimentazzjoni, il-Membri tal-PE jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni temendahom jew tirtirahom, iżda l-Kummissjoni m’għandha l-ebda obbligu legali li tagħmel dan.