Kif jiġu eletti l-Membri tal-PE?
Iċ-ċittadini tal-UE jeleġġu l-Membri tal-Parlament Ewropew kull ħames snin. L-ewwel elezzjonijiet Ewropej saru fl-1979, u qabel din is-sena l-Membri tal-PE kienu jinħatru minn kull wieħed mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.
Wara l-elezzjonijiet l-aktar reċenti fl-2024, il-Parlament Ewropew issa għandu 720 siġġu, u t-trattati tal-UE jistabbilixxu l-allokazzjoni għal kull pajjiż. Kull Stat Membru jeleġġi numru fiss ta’ Membri tal-Parlament Ewropew, minn sitta għall-Istati Membri iżgħar bħal Malta, il-Lussemburgu u Ċipru għal 96 għall-Ġermanja, l-akbar Stat Membru.
Il-pajjiżi b’popolazzjonijiet akbar għandhom aktar siġġijiet minn dawk iżgħar. Madankollu, il-prinċipju ta’ “proporzjonalità digressiva” jiżgura numru akbar ta’ siġġijiet per capita għall-Istati Membri b’popolazzjoni iżgħar.
Il-liġijiet elettorali nazzjonali fil-biċċa l-kbira tagħhom jirregolaw l-elezzjonijiet Ewropej, iżda hemm xi regoli komuni tal-UE. Ir-regoli komuni dwar l-elezzjonijiet Ewropej huma definiti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 20, 22 u 223), fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Att Elettorali tal-1976. Il-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti fuq il-bażi ta’ rappreżentanza proporzjonali.
Aktar informazzjoni