Il-baġit tal-Parlament Ewropew
Permezz tal-baġit annwali tiegħu, il-Parlament kapaċi jsostni l-ħidma tas-720 Membru tal-Parlament Ewropew tiegħu u jopera b’24 lingwa differenti.
L-Istati Membri jirċievu l-maġġoranza l-kbira tal-finanzjament tal-UE.
Kif jiġi deċiż il-baġit?
Normalment, il-proċedura biex jitfassal il-baġit tal-Parlament tibda fi Frar ta’ kull sena. Is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament iressaq proposta li fiha jiddefinixxi l-prijoritajiet u r-riżorsi għas-sena ta’ wara. Il-Bureau, li hu magħmul mill-President u mill-14-il Viċi President tal-Parlament Ewropew, juża din il-proposta bħala l-bażi biex jadotta l-abbozz preliminari tal-estimi u jippreżentah lill-Kumitat għall-Baġits.
Wieħed mill-membri tal-Kumitat — magħruf bħala r-rapporteur dwar il-baġit — jinħatar biex ifassal rapport li jiddeskrivi l-prijoritajiet ta’ ħidma tal-Parlament u jipproponi kemm għandhom jintefqu flus fuqhom. L-ewwel, il-kumitat għall-baġits jivvota dwar ir-rapport u mbagħad jivvotaw dwaru l-Membri kollha tal-Parlament Ewropew waqt sessjoni plenarja, normalment f’Mejju. Dawn l-estimi mbagħad jiġu inkorporati fl-abbozz ta’ baġit tal-UE għas-sena ta’ wara, li jiġi emendat u adottat mill-Membri tal-PE waqt sessjoni plenarja sa mhux aktar tard minn Diċembru.
Aktar informazzjoni