L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jiffurmaw is-sinsla tal-ekonomija tal-UE, u jammontaw għal 99% tan-negozji tagħha. Il-programmi tal-UE li jappoġġjaw lill-SMEs iffukaw fuq it-titjib tal-kompetittività tagħhom, l-aċċess għall-finanzi u l-kapaċità tagħhom li jinnovaw. Inizjattivi reċenti fittxew li jgħinu lill-SMEs jinnavigaw sfidi bħat-tranżizzjoni diġitali, in-newtralità karbonika, u l-irkupru ekonomiku fid-dawl tal-iżviluppi ġeopolitiċi.

Il-bażi legali

L-SMEs joperaw l-aktar fil-livell nazzjonali, peress li l-għadd ta’ SMEs involuti f’negozju transfruntier fl-UE huwa relattivament żgħir. Madankollu, l-SMEs huma affettwati mil-leġiżlazzjoni tal-UE f’diversi oqsma, bħat-tassazzjoni (l-Artikoli 110 sa 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)), il-kompetizzjoni (l-Artikoli 101 sa 109 tat-TFUE) u l-liġi tal-kumpaniji (id-dritt tal-istabbiliment – l-Artikoli 49 sa 54 tat-TFUE). Id-definizzjoni tal-SMEs skont il-Kummissjoni tinsab fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

L-objettivi

Il-politika tal-UE għall-SMEs għandha l-għan li tiżgura li l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE jkunu favur in-negozji ż-żgħar u jikkontribwixxu biex l-Ewropa ssir post aktar attraenti għat-twaqqif ta’ kumpanija u għan-negozju. L-SMEs jimpjegaw madwar 100 miljun persuna, u dan jikkostitwixxi sors essenzjali ta’ intraprenditorija u innovazzjoni, li huma kruċjali għall-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE.

Il-kisbiet

A. L-Att tan-Negozji ż-Żgħar (SBA)

F’Ġunju 2008, il-Kummissjoni ressqet inizjattiva komprensiva dwar l-SMEs fil-forma ta’ komunikazzjoni dwar l-SBA. Din kellha l-għan li toħloq qafas ta’ politika ġdid li jintegra l-istrumenti eżistenti u jibni fuq il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Politika Moderna tal-SMEs għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Hija adottat approċċ ta’ sħubija politika mal-Istati Membri aktar milli pproponiet approċċ Komunitarju sħiħ.

1. Regolamentazzjoni intelliġenti

Fl-SBA, it-tneħħija tal-burokrazija hija prijorità ewlenija għall-Kummissjoni. L-emenda għad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard (li tirrikjedi lill-awtoritajiet pubbliċi jħallsu fi żmien 30 jum bħala garanzija ta’ sigurtà għall-SMEs) u d-Direttiva dwar il-fatturazzjoni elettronika (li tagħti lill-fatturi elettroniċi l-istess status bħal dawk li jinħarġu fuq il-karta) kienu ta’ għajnuna partikolari għan-negozji ż-żgħar. Barra minn hekk, il-modernizzazzjoni tal-politika tal-akkwist pubbliku tal-UE tfisser li l-SMEs jesperjenzaw piż amministrattiv eħfef meta jaċċessaw l-akkwist pubbliku u għandhom opportunitajiet aħjar fir-rigward tal-offerti konġunti. Instab li dan l-istess approċċ jissimplifika l-obbligi għar-rappurtar finanzjarju u jnaqqas il-piżijiet amministrattivi għall-SMEs permezz tal-modernizzazzjoni kemm tal-akkwist pubbliku fl-UE kif ukoll tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà (id-Direttiva 2013/34/UE).

Fil-komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Regolazzjoni aħjar: Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar” ta’ April 2021, il-Kummissjoni introduċiet l-approċċ “one in, one out” għat-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE, filwaqt li ffukat l-attenzjoni ta’ dawk li jfasslu l-politika aktar fuq l-implikazzjonijiet u l-ispejjeż tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari għall-SMEs. L-għan ta’ dan l-approċċ kien li jiġu kkumpensati piżijiet amministrattivi ġodda li jirriżultaw mill-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni billi jitnaqqas ammont ekwivalenti ta’ piżijiet eżistenti.

2. Aċċess għall-finanzjament

Is-swieq finanzjarji spiss naqsu milli jipprovdu lill-SMEs bil-finanzjament meħtieġ. Sar xi progress fit-titjib tad-disponibbiltà tal-finanzjament u l-kreditu għall-SMEs permezz tal-għoti ta’ self, garanziji u kapital ta’ riskju. L-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej – il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investiment – żiedu l-operazzjonijiet tagħhom relatati mal-SMEs.

F’Novembru 2011, il-Kummissjoni pproponiet “pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs”. Fost affarijiet oħra, il-pjan ta’ azzjoni inkluda inizjattivi ta’ politika biex jitħaffef l-aċċess għall-SMEs għas-swieq ta’ kapital ta’ riskju.

3. L-SMEs fis-suq uniku

L-SBA u l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni intitolati “Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna” u l-“Att dwar is-Suq Uniku II“saħqu fuq il-bżonn ta’ titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet ta’ qafas għan-negozji fis-suq uniku”. Jeżistu jew huma ppjanati diversi inizjattivi u miżuri biex jiffaċilitaw l-istabbiliment u l-operat tal-SMEs fis-suq intern. L-SMEs ingħataw derogi f’bosta oqsma, pereżempju fir-rigward tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, it-tassazzjoni u l-liġi tal-kumpaniji.

4. Il-politika tal-kompetizzjoni

Il-politika tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat ilha, għal żmien twil, tittratta lill-SMEs favorevolment billi tirrikonoxxi d-diffikultajiet speċjali li jiffaċċjaw. Fl-2014, il-Kummissjoni adottat reviżjoni tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali għal għajnuna mill-Istat (ir-Regolament (UE) Nru 651/2014). Wieħed mill-komponenti tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat kien iż-żieda fil-flessibbiltà mogħtija lill-Istati Membri biex jagħtu għajnuna mill-Istat lill-SMEs mingħajr notifika u approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni, b’ċerti kundizzjonijiet. Abbażi ta’ dan ir-regolament, l-SMEs jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ pubbliku sa massimu ta’ EUR 7.5 miljun.

B. In-networks tal-UE għall-SMEs

Fost l-eżempji ta’ networks immirati għall-SMEs hemm:

  1. servizzi ta’ appoġġ ġenerali għall-SMEs fl-UE: in-Network Enterprise Europe, SOLVIT, Your Europe, il-Helpdesks Nazzjonali tar-REACH;
  2. innovazzjoni u riċerka: il-Helpdesk Ewropew tal-PI, SME Techweb, il-Helpdesk tal-SMEs tal-PI taċ-Ċina;
  3. appoġġ speċifiku għas-settur: in-Network taċ-Ċentru Ewropew għan-Negozju u l-Innovazzjoni, in-Network Ewropew tal-Innovazzjoni fuq il-Post tax-Xogħol u l-Gate2Growth.

C. L-SMEs u r-riċerka

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali għas-suċċess u t-tkabbir sostenibbli tal-SMEs fl-UE. Il-programm Orizzont 2020 għall-perjodu 2014-2020, kellu l-għan li joħloq ambjent ta’ appoġġ aħjar u aktar komprensiv għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-SMEs. Bħala parti minn dan l-approċċ, l-SMEs kienu mħeġġa jipparteċipaw permezz ta’ “strument speċifiku għall-SMEs” ġdid, li kellu l-għan li jimla l-lakuni fil-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fi stadju bikri u b’riskju għoli min-naħa tal-SMEs.

Barra minn hekk, it-titjib tal-kompetittività tal-SMEs kien wieħed mill-11-il objettiv tematiku għall-politika ta’ koeżjoni fl-2014-2020. Investiment addizzjonali fl-SMEs sar ukoll fl-ambitu ta’ objettivi tematiċi oħrajn, partikolarment dawk għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

Orizzont Ewropa, il-programm ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE li se jibqa’ għaddej sal-2027, fih element ġdid li l-predeċessur tiegħu ma kellux – il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, b’baġit ta’ EUR 10.1 biljun biex jappoġġja innovazzjonijiet revoluzzjonarji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tan-negozji ġodda u l-SMEs, minn stadju bikri tar-riċerka sal-finanzjament u l-espansjoni.

Taħt il-Baġit tal-UE 2028-2034, il-Kummissjoni tipproponi li kważi tirdoppja l-baġit għal Orizzont Ewropa. Barra minn hekk, se jiġi stabbilit Fond Ewropew għall-Kompetittività ġdid biex jinvesti f’teknoloġiji strateġiċi. Dan se jikkonsolida 14-il mekkaniżmu ta’ finanzjament individwali taħt il-QFP f’qafas uniku. Din is-simplifikazzjoni tfasslet biex tagħmel il-proċess ta’ finanzjament aktar sempliċi u konsistenti, filwaqt li tindirizza talba ewlenija mill-SMEs matul il-fażi ta’ konsultazzjoni.

D. Il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME)

Il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1287/2013u dam għaddej mill-2014 sal-2020. B’baġit ta’ EUR 2.3 biljun, huwa kiseb dawn ir-riżultati:

  • Aċċess għall-finanzjament
  • Aċċess għas-suq u internazzjonalizzazzjoni
  • Intraprenditorija u innovazzjoni
  • Turiżmu u industriji kreattivi

Wara li l-COSME ntemm fl-2020, l-attivitajiet tiegħu ġew trasferiti għal programmi oħra.

E. Inizjattivi mill-2020

F’Marzu 2020, il-Kummissjoni ppubblikat “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” u “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” li jinkludu proposti biex jgħinu lill-SMEs joperaw, jikbru u jespandu. F’April 2020, il-Parlament irreaġixxa għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-ktajjen tal-provvista industrijali u l-SMEs billi adotta r-riżoluzzjoni 2020/2616(RSP) dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tappoġġja miżuri ta’ rkupru ekonomiku. F’Novembru 2020, il-Membri tal-PE adottaw ir-riżoluzzjoni 2020/2076(INI) fejn stiednu lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija industrijali riveduta.

Kif enfasizzat fl-istrateġija għall-SMEs, in-negozji ż-żgħar jeħtieġu aktar appoġġ biex jiksbu finanzjament aktar faċilment. Biex jinkiseb dan, il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar bidliet fid-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (2014/65/UE) bħala parti mill-ftehim dwar l-“Att dwar l-Elenkar” fl-2024. B’reazzjoni għall-impatti negattivi tal-inflazzjoni u tal-inċertezza ekonomika, b’mod partikolari fir-rigward taż-żieda qawwija fl-ispejjeż tal-enerġija u tal-materja prima, il-Kummissjoni, f’Settembru 2023, ippubblikat Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs. Dan jinkludi:

Huwa jagħti wkoll dettalji dwar sett ta’ miżuri biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi u l-ħaddiema tas-sengħa, u biex jiġu appoġġjati l-SMEs matul iċ-ċiklu tal-ħajja tan-negozju tagħhom.

Minn Frar 2025, il-Kummissjoni pproponiet diversi Pakketti Omnibus biex tissimplifika r-regolamenti għall-SMEs. Miri konkreti jinkludu t-tnaqqis kemm tal-kostijiet kif ukoll tal-obbligi ta’ rapportar b’mill-anqas 35% sal-2030.

F’Mejju 2025, il-Kummissjoni nediet l-Istrateġija tal-UE dwar l-Istartups u l-Iscaleups li tiġbor flimkien azzjonijiet taħt ħames intestaturi ewlenin:

1. trawwim ta’ ambjent favorevoli għall-innovazzjoni,

2. xprunar ta’ finanzjament aħjar,

3. appoġġ għat-tkabbir u l-espansjoni tas-suq,

4. jiġi attirat u jinżamm l-aqwa talent,

5. faċilitazzjoni tal-aċċess għall-infrastruttura, għan-networks u għas-servizzi.

F’Ottubru 2025, il-Kummissjoni laqqgħet flimkien investituri fundaturi potenzjali biex joħolqu l-Fond Scale-up Europe. Dan il-fond ġdid ta’ diversi biljuni ta’ euro għandu l-għan li jinvesti fl-aktar kumpaniji promettenti tal-UE f’oqsma strateġiċi tat-teknoloġija mir-rebbiegħa tal-2026.

Għall-2026, il-Kummissjoni ħabbret li aktar minn nofs l-inizjattivi ppjanati tagħha se jkunu proposti ta’ simplifikazzjoni.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Fl-1983, il-Parlament ħabbar is-“Sena tal-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju u l-Industrija tal-Artiġjanat’’ u nieda sensiela ta’ inizjattivi biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tagħhom. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Parlament wera b’mod konsistenti l-impenn tiegħu biex iħeġġeġ l-iżvilupp tal-SMEs Ewropej. Pereżempju:

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-siti web tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.

 

Anne Ploeger