Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Flimkien mal-Parlament, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa l-istituzzjoni li tadotta l-leġiżlazzjoni tal-UE permezz ta’ regolamenti u direttivi u tħejji deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti. Fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu, jieħu d-deċiżjonijiet permezz ta’ maġġoranza sempliċi, maġġoranza kwalifikata jew b’mod unanimu, skont il-bażi legali tal-att li jkun jirrikjedi l-approvazzjoni tiegħu.
Il-bażi legali
Fil-qafas istituzzjonali uniku tal-UE, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-Kunsill) jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu permezz tal-Artikolu 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 237 sa 243 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-funzjonament tal-Kunsill huwa rregolat ukoll mir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE, kif emendata l-aħħar fl-2022), adottati abbażi tal-Artikolu 240(3) tat-TFUE. Referenzi legali addizzjonali jinkludu l-Artikolu 15 tat-TUE, li jiċċara d-distinzjoni bejn il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, u l-Artikolu 289 tat-TFUE, li jiddefinixxi l-atti leġiżlattivi.
Ir-rwol
A. Il-leġiżlazzjoni
Abbażi tal-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni, il-Kunsill jadotta l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-forma ta’ regolamenti u direttivi, b’mod konġunt mal-Parlament skont l-Artikolu 294 tat-TFUE (il-proċedura leġiżlattiva ordinarja) jew waħdu, wara konsultazzjoni mal-Parlament (1.2.3). Il-Kunsill jadotta wkoll deċiżjonijiet individwali u rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti (l-Artikolu 288 tat-TFUE) u joħroġ riżoluzzjonijiet. Il-Kunsill u l-Parlament jistabbilixxu r-regoli ġenerali li jirregolaw l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jew riżervati għall-Kunsill stess (l-Artikolu 291(3) tat-TFUE).
B. Il-baġit
Il-Kunsill huwa wieħed miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, l-oħra hi l-Parlament. Flimkien jadottaw il-baġit tal-Unjoni Ewropea (1.2.5). Il-Kunsill jadotta wkoll, skont proċedura leġiżlattiva speċjali u filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu, deċiżjonijiet li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet li japplikaw għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE u l-qafas finanzjarju pluriennali (l-Artikoli 311 u 312 tat-TFUE). Fil-każ tal-aħħar, il-Parlament jeħtieġ jagħti l-kunsens tiegħu permezz ta’ maġġoranza tal-Membri tiegħu. L-aħħar qafas finanzjarju pluriennali (2021-2027) ġie adottat mill-Parlament f’Novembru 2020. Il-Kunsill jaqsam it-Taqsima II tal-baġit tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill Ewropew (1.3.6) (l-Artikolu 46(b) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE), minkejja l-fatt li dawn huma żewġ istituzzjonijiet separati.
C. Is-setgħat l-oħra
1. Il-ftehimiet internazzjonali
Il-Kunsill jikkonkludi l-ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea, li jiġu nnegozjati mill-Kummissjoni u s-soltu jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Parlament (l-Artikolu 218 tat-TFUE).
2. Il-ħatriet
Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata (mit-Trattat ta’ Nizza ’l hawn 1.1.4), jaħtar lill-membri tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.
3. Il-politika ekonomika
Il-Kunsill jikkoordina l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri (l-Artikolu 121 tat-TFUE) u, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew, jieħu deċiżjonijiet politiċi fil-qasam monetarju.
Japplikaw regoli speċjali għall-membri tal-Grupp tal-Euro (l-Artikolu 137 tat-TFUE u l-Protokoll (Nru 14) tat-TFUE). Normalment, il-ministri tal-finanzi tal-Grupp tal-Euro jiltaqgħu b’mod informali jum qabel il-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Il-Kummissjoni tieħu sehem fil-laqgħat u l-Bank Ċentrali Ewropew huwa mistieden ukoll. Skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-Grupp tal-Euro, “[i]l-Ministri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jeleġġu president għal sentejn u nofs, bil-maġġoranza ta’ dawk l-Istati Membri”.
Il-Kunsill iwettaq ukoll għadd ta’ funzjonijiet ta’ governanza ekonomika fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Fil-bidu taċ-ċiklu, fil-ħarifa, huwa jqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għaż-żona tal-euro abbażi tal-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir, imbagħad f’Ġunju u f’Lulju jadotta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż wara li dawn ikunu ġew approvati mill-Kunsill Ewropew.
L-Artikolu 136 tat-TFUE ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2013, wara r-ratifika mill-Istati Membri kollha. Issa jipprovdi l-bażi legali għall-mekkaniżmi ta’ stabbiltà bħal pereżempju l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (2.5.8).
4. Il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (5.1.1) u (5.1.2)
It-Trattat ta’ Liżbona ta personalità legali lill-Unjoni Ewropea, li ħadet post il-Komunità Ewropea. It-Trattat il-ġdid neħħa wkoll l-istruttura ta’ tliet pilastri. Il-Ġustizzja u l-Intern saru qasam ta’ politika tal-UE integrat bis-sħiħ, fejn il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tapplika kważi fil-każijiet kollha. Madankollu, rigward il-politika estera u ta’ sigurtà, il-Kunsill għadu jaġixxi skont regoli speċifiċi meta jadotta pożizzjoni komuni u azzjoni konġunta jew meta jfassal konvenzjoni.
Il-formula tat-Trojka preċedenti ġiet sostitwita b’sistema ġdida: il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, presedut fuq bażi permanenti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, issa jikkollabora mill-qrib mal-Kummissjoni. Dan il-Kunsill huwa assistit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
L-organizzazzjoni
A. Is-sħubija
1. Il-membri
Il-Kunsill huwa kompost minn rappreżentant ta’ kull Stat Membru, fuq livell ministerjali, “li jista’ jimpenja lill-gvern tal-Istat Membru li hu jirrappreżenta” (l-Artikolu 16(2) tat-TUE).
2. Il-presidenza
Bl-eċċezzjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin, il-Kunsill huwa presedut mir-rappreżentant tal-Istat Membru li jkollu l-presidenza tal-Unjoni Ewropea: dan jinbidel kull sitt xhur, fl-ordni li l-Kunsill jiddeċiedi b’mod unanimu (l-Artikolu 16(9) tat-TUE). Il-presidenza tal-formazzjonijiet kollha tal-Kunsill ħlief dik tal-affarijiet barranin issir minn gruppi stabbiliti minn qabel ta’ tliet Stati Membri għal perjodu ta’ 18-il xahar, fejn kull membru jkollu l-presidenza tal-Kunsill għal sitt xhur.
L-ordni tal-presidenzi sal-2030 huwa kif ġej: il-Polonja u d-Danimarka fl-2025, Ċipru u l-Irlanda fl-2026, il-Litwanja u l-Greċja fl-2027, l-Italja u l-Latvja fl-2028, il-Lussemburgu u n-Netherlands fl-2029 u s-Slovakkja u Malta fl-2030. Il-Kunsill Ewropew jista’ jibdel l-ordni (l-Artikolu 236(b) tat-TFUE).
3. Il-korpi preparatorji
Kumitat li huwa kompost mir-rappreżentanti permanenti tal-Istati Membri jħejji l-ħidma tal-Kunsill u jwettaq il-kompiti li l-Kunsill jassenjalu (l-Artikolu 240 tat-TFUE). Dan il-kumitat, magħruf bħala l-Coreper, huwa ppresedut minn rappreżentant tal-Istat Membru li jkollu l-presidenza tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, jiġifieri l-presidenza b’rotazzjoni. Madankollu, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà, li jissorvelja s-sitwazzjoni internazzjonali fl-oqsma koperti mill-politika estera u ta’ sigurtà komuni, huwa presedut minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Il-Coreper jiltaqa’ kull ġimgħa biex iħejji l-ħidma tal-Kunsill u jikkoordina l-attivitajiet marbuta mal-kodeċiżjoni flimkien mal-Parlament. Il-Coreper huwa maqsum f’żewġ gruppi: il-Coreper I, li jikkonsisti minn viċi rappreżentanti permanenti, iħejji l-ħidma fl-oqsma l-aktar tekniċi, fosthom l-agrikoltura, l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-ambjent; il-Coreper II, li jittratta kwistjonijiet li jappartjenu iżjed għall-qasam ta’ “politika għolja”, b’mod partikolari l-affarijiet barranin, ekonomiċi u monetarji u l-ġustizzja u l-affarijiet interni. Il-Coreper huwa megħjun fil-ħidma ta’ tħejjija tiegħu minn madwar 10 kumitati u aktar minn 100 grupp ta’ ħidma speċjalizzat.
B. Il-funzjonament
Skont il-qasam ikkonċernat, il-Kunsill jieħu d-deċiżjoni tiegħu permezz ta’ maġġoranza sempliċi, maġġoranza kwalifikata jew b’mod unanimu (1.2.3) u (1.2.4). Meta l-Kunsill jaġixxi f’kapaċità leġiżlattiva, il-laqgħat tiegħu jkunu miftuħin għall-pubbliku (l-Artikolu 16(8) tat-TUE). Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill jinħatar mill-Kunsill skont l-Artikolu 240 tat-TFUE. Il-laqgħat tal-Kunsill isiru primarjament fi Brussell, u xi laqgħat isiru fil-Lussemburgu (is-sessjonijiet ta’ April, ta’ Ġunju u ta’ Ottubru). Attwalment, hemm għaxar formazzjonijiet tal-Kunsill, li tlieta minnhom jiltaqgħu regolarment (Affarijiet Ġenerali, Affarijiet Barranin, u Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN)).
1. Il-maġġoranza sempliċi
Skont l-Artikolu 238(1) tat-TFUE “[m]eta jkun meħtieġ jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu”. Kull membru tal-Kunsill għandu vot wieħed, għalhekk tintlaħaq maġġoranza sempliċi jekk 14-il membru tal-Kunsill jivvotaw favur (it-13 li jifdal jivvotaw kontra jew jastjenu). Madankollu, dan it-tip ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet japplika biss f’għadd limitat ta’ każijiet: ir-regoli interni tal-Kunsill, l-organizzazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u r-regoli li jirregolaw il-kumitati previsti fit-Trattat.
2. Il-maġġoranza kwalifikata
a. Il-mekkaniżmu
L-Artikolu 16(3) tat-TUE jistabbilixxi li l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata hija l-proċess awtomatiku ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, għalhekk tintuża ħlief meta t-Trattati jispeċifikaw mod ieħor. Skont l-Artikolu 16(4) tat-TUE, tali maġġoranza kwalifikata teħtieġ l-appoġġ ta’ mill-anqas 55% tal-membri tal-Kunsill li jkunu jirrappreżentaw mill-anqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE. Fil-prattika, dan ifisser l-appoġġ ta’ mill-anqas 15-il Stat Membru minn 27. F’każijiet meta l-proposta ma tkunx ġejja mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli, tapplika r-regola ta’ “maġġoranza kwalifikata msaħħa”, li skontha l-perċentwal meħtieġ ta’ membri tal-Kunsill li jivvutaw favur huwa 72% (jiġifieri mill-anqas 20 Stat Membru minn 27), li għal darb’oħra jkunu jirrappreżentaw mill-anqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE.
b. L-ambitu
It-Trattat ta’ Liżbona reġa’ estenda l-ambitu tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata (VMK). Dan introduċa jew estenda l-VMK għal 68 bażi legali, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet b’mod konġunt mal-introduzzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (inklużi ħafna oqsma li kienu jaqgħu taħt it-tielet pilastru, jiġifieri l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali). Il-VMK tapplika wkoll għall-ħatra tal-President u l-Membri tal-Kummissjoni u l-membri tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (1.2.3 u 1.2.4).
3. L-unanimità
L-unanimità hija meħtieġa mit-Trattati għal deċiżjonijiet f’għadd limitat ta’ oqsma, bħat-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali jew il-protezzjoni soċjali, ċerti aspetti tal-politika ambjentali (eż. dispożizzjonijiet primarjament ta’ natura fiskali), l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda tal-UE, is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 7 tat-TUE, il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), inkluża l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija bejn l-Istati Membri, il-finanzi tal-UE (inkluż il-Qafas Finanzjarju Pluriennali), ir-reviżjoni tat-trattat (li tirrikjedi ratifika sussegwenti mill-Istati Membri kollha), u miżuri kontra ċerti forom ta’ diskriminazzjoni.
Madankollu, it-Trattati jipprevedu klawżoli “passerelle” li jippermettu bidla minn votazzjoni b’unanimità għal VMK f’qasam ta’ politika partikolari. L-Artikolu 48(7) tat-TUE jipprevedi klawżola “passerelle” ġenerali applikabbli għall-politiki kollha tal-UE li tippermetti lill-Kunsill Ewropew jadotta, b’unanimità, deċiżjoni li tippermetti lill-Kunsill jaġixxi sussegwentement permezz ta’ VMK f’oqsma fejn normalment tkun meħtieġa l-unanimità. Il-Parlament Ewropew jeħtieġlu jagħti l-kunsens tiegħu, u l-parlamenti nazzjonali għandhom id-dritt jopponu fi żmien sitt xhur. F’xi oqsma fejn bħalissa hija meħtieġa l-unanimità, xi klawżoli “passerelle” speċifiċi jippermettu bidla għal VMK bi proċedura anqas elaborata, eż. l-Artikolu 31(3) tat-TUE.
Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2018, il-President Juncker ħabbar rieżami komprensiv tal-klawżoli “passerelle”. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni sal-lum ippubblikat erba’ komunikazzjonijiet, dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (Settembru 2018), it-tassazzjoni (Jannar 2019), l-enerġija u l-klima (April 2019) u l-politika soċjali. (2019).
B’mod ġenerali, il-Kunsill jipprova jikseb l-unanimità anke meta ma jkunx hemm bżonn. Din il-preferenza tmur lura għall-Kompromess tal-Lussemburgu tal-1966, li temm tilwima bejn Franza u l-Istati Membri l-oħra meta Franza rrifjutat it-tranżizzjoni mill-unanimità għall-VMK f’ċerti oqsma. It-test tal-kompromess jgħid: “Meta, fil-każ ta’ deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu b’votazzjoni b’maġġoranza dwar proposta mill-Kummissjoni, ikun hemm l-interessi ta’ sieħeb wieħed jew iktar fin-nofs, il-Membri tal-Kunsill għandhom jistinkaw, biex fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli, jaslu għal soluzzjonijiet li jkunu jistgħu jiġu adottati mill-Membri kollha tal-Kunsill u fl-istess ħin li jirrispettaw l-interessi reċiproċi tagħhom u dawk tal-Komunità”.
Soluzzjoni simili nstabet fl-1994 fil-Kompromess ta’ Ioannina sabiex jiġu protetti dawk l-Istati Membri li jkunu waslu biex jikkostitwixxu minoranza li timblokka. Skont dan l-arranġament, jekk il-pajjiżi inkwistjoni jesprimu l-intenzjoni tagħhom li jopponu t-teħid ta’ xi deċiżjoni mill-Kunsill b’maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill jagħmel dak kollu fis-setgħa tiegħu, fi spazju ta’ żmien raġonevoli, biex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għal maġġoranza kbira ta’ Stati Membri.
Skont l-Artikolu 48 tat-TUE, kwalunkwe reviżjoni tat-trattati fundaturi teħtieġ unanimità, u dan ġie kkunsidrat bħala restrizzjoni kbira fir-riforma tal-Unjoni ta’ 27 Stat Membru. Biex jingħeleb ir-rekwiżit tal-unanimità, l-Istati Membri kkonkludew ftehimiet internazzjonali barra mill-ordni legali tal-UE. Dan seħħ għall-ewwel darba b’riżultat tal-kriżi tal-euro, bl-adozzjoni, fl-2012, tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (il-patt fiskali) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), kif ukoll, fl-2014, il-Ftehim Intergovernattiv dwar it-Trasferiment u l-Mutwalizzazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (il-Ftehim SRF). Skont l-Artikolu 14(3) tal-patt fiskali, dan se japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu biss għal dawk l-Istati Membri li jkunu rratifikawh. Peress li jirrikjedi ratifika minn 12-il pajjiż taż-żona tal-euro biss, il-patt stabbilixxa approvazzjoni minn minoranza ta’ Stati Membri bħala kundizzjoni għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u l-pandemija tal-COVID-19, il-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, ippropona “setgħat akbar lill-Unjoni fil-każ ta’ theddid transfruntier għas-saħħa” u talab “li tiġi attivata l-klawżola “passerelle” ġenerali biex tħaffef il-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet fil-kwistjonijiet kollha li jistgħu jgħinu l-indirizzar tal-isfidi tal-kriżi tas-saħħa attwali”. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar it-talba biex titlaqqa’ Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati, il-Parlament issottometta proposti għal emendi tat-trattati lill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja stabbilita fl-Artikolu 48 tat-TUE. L-emendi ssuġġeriti jippermettu li d-deċiżjonijiet fil-Kunsill isiru b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata minflok b’unanimità f’oqsma rilevanti, bħall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet u f’każ ta’ emerġenza.
Fid-diskors tagħha fl-avveniment tal-għeluq tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fid-9 ta’ Mejju 2022, il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, affermat mill-ġdid ir-rieda tal-Kummissjoni li timplimenta l-proposti adottati taċ-ċittadini dwar li negħlbu l-imblokk tal-votazzjoni b’unanimità. Skont il-Kummissjoni, “issa sta għalina li nagħżlu l-aktar mod dirett biex naslu, jew billi nużaw il-limiti sħaħ ta’ dak li nistgħu nagħmlu fi ħdan it-Trattati, jew, iva, billi nbiddlu t-Trattati jekk ikun hemm bżonn”. Fil-11 ta’ Lulju 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-klawżoli “passerelle” fit-Trattati tal-UE, li jipproponi li l-klawżoli “passerelle” jiġu attivati f’xi oqsma ta’ politika prijoritarji, b’mod partikolari l-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-politika tal-enerġija u l-kwistjonijiet ta’ tassazzjoni b’dimensjoni ambjentali.
F’Diċembru 2023, il-President tal-Kummissjoni tenniet l-impenn tal-Kabinett tagħha għar-riforma tat-Trattati. Madankollu, f’komunikazzjoni tal-20 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni rattbet din il-pożizzjoni billi ddikjarat li l-governanza tal-UE tista’ “tittejjeb malajr billi jintuża l-potenzjal sħiħ tat-Trattati attwali”, b’referenza għall-ostakli relatati mal-bidla fit-trattati maħluqa mir-rekwiżit tal-unanimità.
Fl-20 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-riformi ta’ qabel it-tkabbir u r-rieżami tal-politika (COM(2024)0146), fejn ġie enfasizzat il-kamp ta’ applikazzjoni għal riforma istituzzjonali fi ħdan il-qafas legali eżistenti u l-Kunsill ġie mħeġġeġ jattiva l-klawżoli passerelle f’oqsma prijoritarji.
Din l-iskeda informattiva tħejjiet mid-Dipartiment Tematiku għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali.
Joanna APAP