Il-Kunsill Ewropew
Il-Kunsill Ewropew, magħmul mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri, jagħti l-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea u jistabbilixxi l-linji gwida politiċi ġenerali. Il-President tal-Kummissjoni huwa wkoll membru mingħajr dritt għall-vot. Il-President tal-Parlament Ewropew jindirizza l-Kunsill Ewropew fil-bidu tal-laqgħat tiegħu. It-Trattat ta’ Liżbona stabbilixxa l-Kunsill Ewropew bħala istituzzjoni tal-Unjoni u kkonferielu presidenza fit-tul.
Il-bażi legali
Il-bażi legali tal-Kunsill Ewropew hija stabbilita fl-Artikoli 13 u 15 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jistabbilixxuh bħala waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE u jiddefinixxu l-kompożizzjoni, il-funzjonijiet u l-proċeduri tiegħu. Referenzi addizzjonali jidhru fl-Artikoli 26, 27 u 42(2) tat-TUE, li jiddeskrivu r-rwol tiegħu fil-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), kif ukoll fl-Artikolu 235 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirregola l-laqgħat tiegħu.
Dawn id-dispożizzjonijiet kollettivament jagħtu lill-Kunsill Ewropew is-setgħa li jistabbilixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE, mingħajr ma jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi.
L-istorja
Il-Kunsill Ewropew illum il-ġurnata huwa l-konferenza tas-summit tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri tal-UE. L-ewwel wieħed minn dawn is-“summits Ewropej” sar f’Pariġi fl-1961, u mill-1969 ’l hawn dawn is-summits saru aktar frekwenti.
Fis-summit Ewropew ta’ Pariġi ta’ Frar 1974, ġie deċiż li dawn il-laqgħat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, minn dakinhar ’il quddiem, kellhom isiru fuq bażi regolari bl-isem ta’ “Kunsill Ewropew”, li jkun jista’ jadotta approċċ ġenerali għall-problemi tal-integrazzjoni Ewropea u jiżgura li l-attivitajiet tal-UE jiġu kkoordinati kif suppost.
L-Att Uniku Ewropew (1986) inkluda lill-Kunsill Ewropew fil-korp tat-Trattati tal-Komunità għall-ewwel darba, filwaqt li ddefinixxa l-kompożizzjoni tiegħu u stabbilixxa li jkun hemm żewġ laqgħat fis-sena.
It-Trattat ta’ Maastricht (1992) ifformalizza r-rwol tiegħu fil-proċess istituzzjonali tal-UE.
It-Trattat ta’ Liżbona (formalment magħruf bħala t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, 2009) għamel il-Kunsill Ewropew istituzzjoni sħiħa tal-UE (l-Artikolu 13) u ddefinixxa l-kompiti tiegħu, li huma li “jipprovdi l-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha” u li “jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha” (l-Artikolu 15). Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem il-“Kunsill”) qablu li jaqsmu t-Taqsima II tal-baġit tal-UE (l-Artikolu 46(b) tar-Regolament Finanzjarju), li hija r-raġuni għala l-baġit ġenerali għandu 10 taqsimiet biss, u mhux 11, minkejja l-fatt li l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill huma istituzzjonijiet separati.
L-organizzazzjoni
Il-Kunsill Ewropew, li jissejjaħ mill-President tiegħu, ilaqqa’ flimkien lill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tas-27 Stat Membru u l-President tal-Kummissjoni (l-Artikolu 15(2) tat-TUE). Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jipparteċipa fil-ħidma tiegħu. Il-President tal-Parlament normalment jiġi mistieden jitkellem fil-bidu tal-laqgħa (l-Artikolu 235(2) tat-TFUE).
Skont l-Artikolu 15(5) tat-TUE, il-Kunsill Ewropew jeleġġi l-President tiegħu b’maġġoranza kwalifikata għal mandat ta’ sentejn u nofs, li jista’ jiġġedded darba. Il-President ma jistax ikollu kariga nazzjonali matul il-mandat tiegħu. Skont l-Artikolu 15(6) TUE, ir-responsabbiltajiet tal-President jinkludu:
- li jippresjedi u jmexxi ’l quddiem il-ħidma tal-Kunsill Ewropew;
- li jiżgura t-tħejjija u l-kontinwità tal-ħidma tiegħu f’kooperazzjoni mal-President tal-Kummissjoni;
- li jiffaċilita l-koeżjoni u l-kunsens fost il-membri; u
- li, fil-livell u l-kapaċità tiegħu, jirrappreżenta esternament lill-UE fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-PESK tagħha, mingħajr ħsara għas-setgħat tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Il-President jirrapporta lura wkoll lill-Parlament wara kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew.
Il-President attwali, António Costa, ħa l-kariga fl-1 ta’ Diċembru 2024, wara li temm il-kariga tiegħu Charles Michel.
Il-Kunsill Ewropew normalment jiddeċiedi dwar kwistjonijiet b’kunsens, iżda għadd ta’ ħatriet importanti jsiru b’maġġoranza kwalifikata (b’mod partikolari dik tal-President tiegħu, l-għażla tal-kandidat għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni u l-ħatra tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew).
Il-Kunsill Ewropew normalment jiltaqa’ tal-anqas erba’ darbiet fis-sena. Mill-2008 ’l hawn, beda jiltaqa’ aktar ta’ spiss, b’mod partikolari waqt il-kriżi finanzjarja u l-kriżi tad-dejn taż-żona tal-euro li ġiet warajha. Dan l-aħħar, il-Kunsill Ewropew kien ukoll impenjat ħafna minħabba l-flussi migratorji lejn l-UE u l-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà interna.
Barra minn hekk, il-membri tal-Kunsill Ewropew jiltaqgħu fil-format ta’ “konferenzi intergovernattivi” (KIGs). Dawn il-konferenzi tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri jitlaqqgħu biex jiddiskutu u jiftiehmu dwar bidliet fit-trattati tal-UE. Qabel ma t-Trattat ta’ Liżbona daħal fis-seħħ fl-2009, din kienet l-unika proċedura għar-reviżjoni tat-trattati. Illum tissejjaħ il-“proċedura ta’ reviżjoni ordinarja”. Il-KIG, li tiġi kkonvokata mill-President tal-Kunsill Ewropew, tiddeċiedi dwar il-bidliet fit-trattati b’mod unanimu.
Ir-rwol
A. Post fis-sistema istituzzjonali tal-UE
Skont l-Artikolu 13 tat-TUE, il-Kunsill Ewropew jagħmel parti “mill-qafas istituzzjonali uniku” tal-Unjoni. Madankollu, ir-rwol tiegħu hu li jipprovdi impetu politiku ġenerali aktar milli jaġixxi bħala korp deċiżjonali fis-sens legali. Huwa jieħu deċiżjonijiet b’konsegwenzi legali għall-UE f’każijiet eċċezzjonali biss (ara l-punt C(2) hawn taħt), iżda maż-żmien kiseb għadd ta’ setgħat deċiżjonali istituzzjonali. Il-Kunsill Ewropew issa huwa awtorizzat jadotta atti vinkolanti li jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluż għal nuqqas ta’ aġir (l-Artikolu 265 tat-TFUE).
L-Artikolu 7(2) tat-TUE jagħti lill-Kunsill Ewropew is-setgħa li jagħti bidu għall-proċedura li tissospendi d-drittijiet ta’ Stat Membru minħabba ksur serju tal-prinċipji tal-UE, soġġett għall-kunsens tal-Parlament.
B. Ir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra
Il-Kunsill Ewropew jieħu d-deċiżjonijiet b’mod kompletament indipendenti u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet m’għandux bżonn inizjattiva mill-Kummissjoni jew l-involviment tal-Parlament.
Madankollu, it-Trattat ta’ Liżbona jżomm rabta organizzattiva mal-Kummissjoni, peress li l-President tagħha huwa membru mingħajr dritt għall-vot tal-Kunsill Ewropew, u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jattendi d-dibattiti. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew sikwit jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapporti bi tħejjija għal-laqgħat tiegħu. L-Artikolu 15(6)(d) tat-TUE jirrikjedi li l-President tal-Kunsill Ewropew jippreżenta rapport lill-Parlament wara kull waħda mil-laqgħat tiegħu. Ta’ kull xahar, il-President tal-Kunsill Ewropew jiltaqa’ wkoll mal-President tal-Parlament, kif ukoll mal-mexxejja tal-gruppi politiċi. Fi Frar 2011, il-President ta’ dak iż-żmien qabel li jwieġeb mistoqsijiet bil-miktub mill-Membri tal-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet politiċi tiegħu. Madankollu, il-Parlament jista’ wkoll jeżerċita ċerta influwenza informali permezz tal-preżenza tal-President tiegħu fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u fil-laqgħat ta’ qabel il-Kunsill Ewropew tal-mexxejja tal-partiti fil-familji politiċi Ewropej rispettivi tagħhom, kif ukoll permezz tar-riżoluzzjonijiet li jadotta dwar punti fuq l-aġenda għal-laqgħat, dwar l-eżitu tal-laqgħat u dwar ir-rapporti formali ppreżentati mill-Kunsill Ewropew.
Bit-Trattat ta’ Liżbona, il-kariga l-ġdida ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà saret entità supplimentari li tipproponi u timplimenta l-politika estera f’isem il-Kunsill Ewropew. Il-President tal-Kunsill Ewropew huwa responsabbli għar-rappreżentanza esterna tal-UE fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-PESK tagħha, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
C. Is-setgħat
1. Istituzzjonali
Il-Kunsill Ewropew jipprovdi l-UE “bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha” u “jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha” (l-Artikolu 15(1) tat-TUE). Jiddeċiedi wkoll b’maġġoranza kwalifikata dwar il-formazzjoni tal-Kunsill u l-kalendarju tal-presidenzi b’rotazzjoni.
2. Il-kwistjonijiet ta’ politika estera u ta’ sigurtà (5.1.1) u (5.1.2)
Il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi l-prinċipji tal-PESK u l-linji gwida ġenerali għaliha, u jieħu deċiżjonijiet dwar strateġiji komuni għall-implimentazzjoni tagħha (l-Artikolu 26 tat-TUE). Jiddeċiedi b’unanimità jekk jirrakkomandax lill-Istati Membri jimxu lejn id-definizzjoni progressiva ta’ politika tad-difiża komuni tal-UE, skont l-Artikolu 42(2) tat-TUE.
Jekk Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jopponi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni għal raġunijiet importanti ta’ politika nazzjonali, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata li jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill Ewropew sabiex tittieħed deċiżjoni unanima (l-Artikolu 31(2) tat-TUE). L-istess proċedura tista’ tapplika jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa f’dan il-qasam (l-Artikolu 20 tat-TUE).
Ir-rakkomandazzjoni Nru 21 taċ-ċittadini adottata waqt il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa titlob li l-UE ttejjeb il-kapaċità tagħha li tieħu deċiżjonijiet rapidi u effettivi, partikolarment permezz ta’ bidla mill-unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-qasam tal-PESK u permezz tat-tisħiħ tar-rwol tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar it-talba biex titlaqqa’ Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati, il-Parlament issottometta proposti għal emendi tat-trattati lill-Kunsill fl-ambitu tal-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja stabbilita fl-Artikolu 48 tat-TUE. Waħda mill-proposti ewlenin kienet li d-deċiżjonijiet fil-Kunsill jitħallew isiru b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata minflok b’unanimità f’oqsma rilevanti, bħall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet u f’każ ta’ emerġenza. Fil-11 ta’ Lulju 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-klawżoli “passerelle” fit-Trattati tal-UE (jiġifieri klawżoli li jippermettu t-tibdil ta’ proċedura leġiżlattiva mingħajr emenda formali tat-trattati), li fiha ppropona li jiġu attivati dawn il-klawżoli f’xi oqsma ta’ politika prijoritarji, b’mod partikolari l-PESK, il-politika fil-qasam tal-enerġija, u kwistjonijiet fiskali b’dimensjoni ambjentali.
3. Il-governanza ekonomika u l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) (1.4.3)
Mill-2009, bil-kriżi tad-dejn sovran, il-Kunsill Ewropew u s-summits tal-euro saru l-protagonisti fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi bankarja globali. Diversi Stati Membri rċevew pakketti ta’ għajnuna finanzjarja permezz ta’ ftehimiet ad hoc jew temporanji deċiżi mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern u aktar tard ratifikati fl-Istati Membri. Mill-2012, l-għajnuna finanzjarja bdiet tingħata permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES). Il-gvernijiet tal-Istati Membri, bil-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Bank Ċentrali Ewropew, fasslu trattat internazzjonali – it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (imsejjaħ ukoll “Patt Fiskali”) – li jippermetti kontroll aktar strett tal-politiki baġitarji u soċjoekonomiċi tal-Istati Membri. Dan iqajjem dejjem aktar mistoqsijiet dwar ir-rwol tal-Kummissjoni u l-Parlament fil-governanza ekonomika taż-żona tal-euro.
Il-Kunsill Ewropew għandu wkoll rwol importanti fis-Semestru Ewropew. Fil-laqgħat tiegħu tar-rebbiegħa, jippubblika orjentamenti politiċi fir-rigward tar-riforma makroekonomika, fiskali u strutturali u politiki favur it-tkabbir. Fil-laqgħat tiegħu ta’ Ġunju, japprova r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-valutazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma mfassla mill-Kummissjoni u diskussi fil-Kunsill.
Ikun involut ukoll fin-negozjati tal-QFP, fejn jiżvolġi rwol fundamentali biex jintlaħaq qbil politiku dwar kwistjonijiet politiċi ewlenin fir-regolament dwar il-QFP, bħal-limiti tan-nefqa, il-programmi tal-infiq u l-finanzjament (ir-riżorsi).
4. Il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali (4.2.6 u 4.2.7)
Fuq talba ta’ membru tal-Kunsill, il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi jekk jistabbilix kooperazzjoni msaħħa f’settur relatat ma’ dan il-qasam (l-Artikolu 20 tat-TUE). It-Trattat ta’ Liżbona introduċa diversi klawżoli “passerelle” ġodda li jippermettu lill-Kunsill Ewropew ibiddel il-formula deċiżjonali fil-Kunsill mill-unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza (1.2.4).
Il-kisbiet
Fil-laqgħa tiegħu fi Brussell tas-27 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa aġenda strateġika ta’ ħames snin (2024-2029) li tidentifika oqsma ta’ prijorità għal azzjoni u fokus aktar fit-tul tal-UE. Hija mibnija fuq tliet pilastri: “Ewropa ħielsa u demokratika” (eż. il-protezzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-interferenza barranija); “Ewropa b’saħħitha u sigura” (eż. appoġġ kontinwu għall-Ukrajna, u żieda fl-infiq u l-investiment fid-difiża), u “Ewropa prospera u kompetittiva” (eż. titjib fil-kapaċità f’teknoloġiji ewlenin orjentati lejn il-futur, u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, inkluża unjoni tal-enerġija ġenwina).
Minbarra l-aġenda strateġika, il-programmi ta’ ħidma tiegħu għal perjodu iqsar, l-hekk imsejħa Aġendi tal-Mexxejja, jistabbilixxu suġġetti għal-laqgħat li jmiss tal-Kunsill Ewropew u s-summits internazzjonali. Pereżempju, l-Aġenda 2025 tal-Mexxejja indikattiva, ippubblikata f’Diċembru 2024 tistabbilixxi l-prijoritajiet indikattivi għall-perjodu minn Frar sa Diċembru 2025, li inkludew, b’mod partikolari, l-Ukrajna u l-Lvant Nofsani (li jidhru fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew f’kull laqgħa sakemm ikun meħtieġ), il-kompetittività, il-QFP, il-migrazzjoni, is-sigurtà u d-difiża.
A. Il-qafas finanzjarju pluriennali
Sabiex jgħinu lill-UE tinbena mill-ġdid wara l-pandemija u jappoġġjaw l-investiment fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, il-mexxejja tal-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tagħhom mis-17 sal-21 ta’ Lulju 2020, qablu dwar pakkett komprensiv ta’ EUR 1,824.3 biljun li jikkombina kemm il-QFP kif ukoll sforz straordinarju ta’ rkupru fil-qafas tal-istrument Next Generation EU (NGEU).
Fil-laqgħa tiegħu tal-1 ta’ Frar 2024, il-Kunsill Ewropew laħaq qbil dwar ir-reviżjoni tal-QFP 2021-2027. Konsegwentement, il-Kunsill approva tliet atti leġiżlattivi li għandhom l-għan li jsaħħu l-baġit fit-tul u jindirizzaw l-isfidi emerġenti. Il-pakkett adottat jinkludi emendi għall-qafas finanzjarju u l-istabbiliment tal-Faċilità għall-Ukrajna u tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP).
B. Il-politika estera u ta’ sigurtà
Il-politika estera u ta’ sigurtà ilha element importanti fil-laqgħat tas-summits tal-Kunsill Ewropew mill-bidu tas-snin 90. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu f’dan il-qasam jinkludu:
- is-sigurtà internazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu;
- il-politika Ewropea tal-viċinat u r-relazzjonijiet mar-Russja;
- ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani.
Meta kien qed jiltaqa’ f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jsaħħaħ il-PESK billi jiżviluppa kapaċitajiet ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet militari u mhux militari.
Fil-laqgħa tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li titnieda kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) biex jissaħħu s-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa. Il-PESCO ġiet stabbilita bid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2017. L-Istati Membri kollha tal-UE jieħdu sehem fil-PESCO, għajr Malta. B’kollox, bħalissa hemm 75 proġett fis-seħħ fl-ambitu tal-PESCO.
Fil-laqgħa speċjali tiegħu tas-17 sal-21 ta’ Lulju 2020, imsemmija hawn fuq, il-Kunsill Ewropew qabel li tiġi stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Il-limitu massimu finanzjarju għall-Faċilità għall-perjodu 2021-2027 ġie stabbilit għal EUR 5 biljun, li għandhom jiġu ffinanzjati bħala punt barra mill-baġit u barra mill-QFP permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri skont skema ta’ kontribuzzjonijiet ibbażata fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING).
Fil-laqgħa speċjali tiegħu tat-30 u l-31 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u qabel dwar is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet, li jkopri ż-żejt grezz u l-prodotti tal-petroleum li jaslu mir-Russja lejn l-Istati Membri. Ġiet introdotta eċċezzjoni temporanja għaż-żejt grezz li jasal minn pipeline. Il-mexxejja ħeġġew lill-Kunsill biex jiffinalizza u jadotta s-sanzjonijiet il-ġodda mingħajr dewmien.
Skont il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Marzu 2023, “L-Unjoni Ewropea tappoġġa bil-qawwa u bis-sħiħ lill-Ukrajna u ser tkompli tipprovdi appoġġ politiku, ekonomiku, militari, finanzjarju u umanitarju b’saħħtu lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha sakemm ikun hemm bżonn.”
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-6 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa li tkompli tiżdied b’mod sostanzjali n-nefqa fuq is-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa u talab lill-Kummissjoni tipproponi sorsi ta’ finanzjament addizzjonali għad-difiża fil-livell tal-UE. Ftit wara, fid-19 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ difiża ambizzjuż imsejjaħ ReArm Europe Plan – Readiness 2030 (il-Pjan ReArm Europe – Prontezza għad-Difiża Ewropea għall-2030), inkluża white paper, proposta għal regolament li jistabbilixxi strument finanzjarju ġdid li jgħin l-Istati Membri jinvestu f’oqsma importanti tad-difiża u komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, biex l-Istati Membri jingħataw spazju baġitarju addizzjonali ħalli jżidu l-infiq tagħhom fuq id-difiża.
C. It-tkabbir (5.5.1)
Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa t-termini għal kull ċiklu ta’ tkabbir tal-UE. Fl-1993, f’Copenhagen, stabbilixxa l-pedamenti għal sensiela oħra ta’ adeżjonijiet (il-Kriterji ta’ Copenhagen). Il-laqgħat fis-snin ta’ wara komplew jispeċifikaw il-kriterji għall-ammissjoni u r-riformi istituzzjonali meħtieġa minn qabel.
Il-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen (fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2002) iddeċieda dwar l-adeżjoni ta’ Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja fl-1 ta’ Mejju 2004. Ir-Rumanija u l-Bulgarija ssieħbu mal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2007.
Waqt laqgħa fil-Lussemburgu fit-3 ta’ Ottubru 2005, il-Kunsill approva qafas għan-negozjati mal-Kroazja u mat-Turkija dwar l-adeżjoni tagħhom mal-UE. It-Trattat ta’ Adeżjoni mal-Kroazja ġie ffirmat fid-9 ta’ Diċembru 2011, u l-Kroazja ssieħbet fl-1 ta’ Lulju 2013.
Fl-14 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali adotta l-konklużjonijiet tiegħu dwar it-tkabbir u l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni għall-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo, li fihom ġie evalwat il-progress li sar f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali.
Fl-24 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta’ kandidat lill-Ukrajna, b’segwitu tal-applikazzjoni għas-sħubija tiegħu tat-28 ta’ Frar 2022, u stieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet speċifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija. Passi ulterjuri jiġu deċiżi mill-Kunsill ladarba dawn il-kundizzjonijiet kollha jkunu ġew sodisfatti bis-sħiħ.
Fil-konklużjonijiet tal-laqgħa speċjali tiegħu tad-9 ta’ Frar2023, il-Kunsill Ewropew “[rrikonoxxa] l-isforzi konsiderevoli li l-Ukrajna wriet f’dawn l-aħħar xhur biex tilħaq l-objettivi li jirfdu l-istatus ta’ kandidat tagħha għas-sħubija fl-UE. Huwa [laqa’] b’sodisfazzjon l-isforzi ta’ riforma tal-Ukrajna fi żminijiet tant diffiċli, u [inkoraġġixxa] lill-Ukrajna biex tkompli f’din it-triq u tissodisfa l-kondizzjonijiet speċifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija sabiex tavvanza lejn sħubija futura fl-UE.”
Il-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023 iddeċieda li jiftaħ negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna u mar-Repubblika tal-Moldova u li jagħti status ta’ pajjiż kandidat lill-Georgia “bil-fehim li jittieħdu l-passi rilevanti stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023”. Madankollu, fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-liġi tal-Georgia adottata dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija kienet tirrappreżenta rigress fir-rigward tal-passi stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għall-istatus ta’ kandidat u li l-proċess ta’ adeżjoni jkun de facto sospiż sakemm il-gvern jibdel id-direzzjoni.
D. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea
Fit-23 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50), imlaqqa’ f’format ta’ EU-27, adotta l-linji gwida dwar il-qafas għal relazzjoni futura mar-Renju Unit wara Brexit. Skont il-linji gwida, l-UE riedet li jkollha l-eqreb sħubija possibbli mar-Renju Unit, li tkun tkopri l-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika u s-sigurtà u d-difiża, fost oqsma oħra.
Fis-17 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill Ewropew, imlaqqa’ f’format ta’ EU-27, approva l-ftehim rivedut dwar il-ħruġ u d-dikjarazzjoni politika riveduta li n-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit kienu laħqu qbil dwarhom dakinhar stess. Il-ħsieb wara dan il-ftehim kien li r-Renju Unit ikun jista’ joħroġ mill-Unjoni Ewropea b’mod ordnat.
Fid-29 ta’ Ottubru 2019, wara talba mir-Renju Unit, il-Kunsill Ewropew adotta deċiżjoni biex il-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-TUE jiġi estiż sal-31 ta’ Jannar 2020, sabiex ikun hemm aktar żmien għar-ratifika tal-ftehim dwar il-ħruġ. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2020. Dan immarka t-tmiem tal-perjodu fl-ambitu tal-Artikolu 50 tat-TUE u l-bidu ta’ perjodu ta’ tranżizzjoni li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Ir-Renju Unit issa m’għadux Stat Membru tal-UE iżda pajjiż terz.
E. Ir-riformi istituzzjonali
Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tampere (fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999) il-Kunsill iddeċieda dwar l-arranġamenti għall-abbozzar tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (4.1.2). Il-Kunsill Ewropew ta’ Helsinki (Diċembru 1999) ikkonvoka l-konferenza intergovernattiva bi tħejjija għat-Trattat ta’ Nizza.
Il-Kunsill Ewropew ta’ Laeken (fl-14 u l-15 ta’ Diċembru 2001) iddeċieda li jikkonvoka Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa, li fasslet it-Trattat Kostituzzjonali li falla (1.1.4). Wara sentejn u nofs ta’ staġnar istituzzjonali, il-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007 adotta mandat dettaljat għal konferenza intergovernattiva, li wassal biex fit-13 ta’ Diċembru 2007 jiġi ffirmat it-Trattat ta’ Liżbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009 (1.1.5). Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew adotta d-deċiżjoni li emendat l-Artikolu 136 u wittiet it-triq għall-ħolqien tal-MES fl-2012.
Fit-22 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill Ewropew adotta deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, li ppermettiet lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri interni meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet tal-Parlament għal-leġiżlatura 2024-2029.
Il-kriżijiet ta’ dan l-aħħar, b’mod partikolari l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, enfasizzaw il-bżonn ta’ riformi istituzzjonali biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet urġenti fil-ħin u b’mod effettiv. Fit-22 ta’ Novembru 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-proposti biex jiġu emendati t-Trattati, u ħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew isejjaħ Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati sabiex jiġu modernizzati l-proċeduri leġiżlattivi. Sa issa, madankollu, ma ttieħdu l-ebda passi konkreti għal dan l-għan.
Din l-iskeda informattiva tħejjiet mid-Dipartiment Tematiku għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali.
Joanna APAP