Żjarat fil-Parlament Ewropew fi Brussell u Strażburgu
Il-Parlament joffri firxa wiesgħa ta’ possibbiltajiet biex il-viżitaturi jsiru midħla tal-istorja u tal-mod kif taħdem l-istituzzjoni u l-Unjoni Ewropea.
Kull sena, madwar nofs miljun persuna mill-UE u lil hinn minnha jżuru l-Kamra Plenarja (jew l-“Emiċiklu”) tal-Parlament Ewropew fi Brussell u Strażburgu. Ħafna minn dawn il-viżitaturi jiġu bħala parti minn grupp (fuq stedina ta’ Membru tal-PE jew waħedhom), iżda l-għadd ta’ viżitaturi individwali qiegħed jiżdied f’dawn l-aħħar snin. Il-gruppi jintlaqgħu mill-membri tal-persunal tal-Parlament, li jkellmuhom dwar il-ħidma u r-rwol tal-Parlament Ewropew. Il-gruppi jistgħu jiltaqgħu mal-Membri tal-PE u jistgħu jżuru l-Kamra Plenarja fejn isiru d-dibattiti u l-votazzjonijiet tal-Parlament. Viżitaturi individwali jistgħu jżuru l-Kamra Plenarja billi jużaw gwida multimedjali interattiva b’24 lingwa. Jistgħu jsegwu wkoll sessjoni plenarja jew jibbukkjaw taħdita fl-Emiċiklu ma’ waħda mill-gwidi tal-Parlament.
Il-Parlament Ewropew jemmen li l-pubbliku għandu jkollu aċċess faċli għax-xogħlijiet u għall-bini tiegħu, għax iqis li t-trasparenza hija importanti għall-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi fl-Unjoni Ewropea. Peress li għal ħafna ċittadini tal-UE, l-ispiża tal-ivvjaġġar lejn Brussell u Strażburgu tista’ tkun diffiċli, f’xi każijiet il-Parlament jgħin billi jkopri parti mill-ispejjeż tal-gruppi ta’ viżitaturi tal-Membri tal-PE.
Il-viżitaturi li jiġu Brussell jistgħu jżuru wkoll il-Parlamentarium u Dar l-Istorja Ewropea, li huma barra l-bini tal-Parlament Ewropew u jkunu miftuħin fi tmiem il-ġimgħa.
Fi Strażburgu, l-ispazju għall-wirjiet magħruf bħala Parlamentarium Simone Veil , huwa parti miż-żjara. Dan fih ċinema ta’ 360 grad u għodod interattivi.
L-offertà għall-viżitaturi mhix limitata biss għal żjarat fiżiċi. Il-Parlament Ewropew żied l-offerta online tiegħu u issa qed joffri, pereżempju, taħditiet online għaż-żgħażagħ u vjaġġ diġitali ġdid.
Aktar informazzjoni