X’inhuma l-gruppi politiċi u kif jiġu ffurmati?
Wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tal-PE normalment jingħaqdu fi grupp politiku jew joħolqu oħrajn ġodda. Dawn il-gruppi jlaqqgħu Membri tal-PE minn Stati Membri differenti abbażi tal-fehmiet politiċi tagħhom. Il-gruppi jistgħu jiġu ffurmati wkoll aktar tard fil-leġiżlatura. Bħalissa hemm tmien gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.
Grupp politiku rikonoxxut formalment irid ikun magħmul minn tal-anqas 23 Membru tal-Parlament Ewropew li jkunu ġejjin minn mill-anqas kwart tal-Istati Membri (jiġifieri mill-anqas sebgħa). Il-Membri tal-PE jistgħu jagħmlu parti minn grupp politiku wieħed biss. Uħud mill-Membri ma jkunu jagħmlu parti mill-ebda grupp politiku, u dawn jissejħu Membri “mhux affiljati”.
Biex grupp jiġi ffurmat, il-President tal-Parlament irid jiġi nnotifikat f’dikjarazzjoni li tispeċifika l-isem tal-grupp, il-Membri tiegħu u l-mexxejja tiegħu.
Meta jiffurmaw grupp, il-Membri tal-PE jaċċettaw l-affinità politika b’mod awtomatiku u l-Parlament normalment ma jivvalutax il-koeżjoni politika bejn il-membri tal-grupp. Huwa biss meta din l-affinità tiġi miċħuda mill-Membri tal-PE kkonċernati li l-Parlament ikollu jevalwa jekk il-grupp ikunx fil-fatt ġie ffurmat f’konformità mar-regoli.
Il-gruppi politiċi
Il-gruppi politiċi jistgħu jimpjegaw persunal u jirċievu spazju għall-uffiċċji ffinanzjat mill-baġit tal-Parlament. Il-Bureau tal-Parlament jistabbilixxi regoli dwar kif dawn il-fondi u l-faċilitajiet jiġu amministrati u awditjati. Il-fondi disponibbli għall-gruppi jkopru l-kostijiet amministrattivi u operattivi tal-persunal, kif ukoll l-ispejjeż imġarrba minħabba kampanji politiċi u ta’ informazzjoni relatati mal-UE.
Il-baġit la jista’ jiffinanzja kwalunkwe forma ta’ kampanja elettorali Ewropea, nazzjonali, reġjonali jew lokali u lanqas kwalunkwe partit politiku fil-livell nazzjonali u Ewropew jew il-korpi dipendenti tiegħu.
Bħal fil-każ tal-Membri tal-PE li huma membri ta’ grupp politiku, il-Membri tal-PE mhux affiljati jistgħu jimpjegaw konsulenti u għandhom drittijiet skont ir-regoli stabbiliti mill-Bureau.
Aktar informazzjoni