Il-Kummissjoni Ewropea
Bħala l-istituzzjoni inkarigata mill-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-UE, il-Kummissjoni għandha dritt kważi esklużiv ta’ inizjattiva leġiżlattiva u taġixxi bħala l-korp eżekuttiv prinċipali tal-UE. Hija tipproponi leġiżlazzjoni, tinforza l-liġijiet tal-UE bħala l-gwardjan tat-Trattati, timmaniġġja l-politiki u l-baġit, tinnegozja ftehimiet internazzjonali, teżerċita setgħat ta’ sanzjonar f’oqsma bħall-kompetizzjoni u tissorvelja l-operazzjonijiet ta’ kuljum.
Il-bażi legali
L-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 234, 244 sa 250, 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u t-Trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej (“It-Trattat li Jgħaqqad”).
L-istorja
Inizjalment, kull Komunità kellha l-korp eżekuttiv tagħha: l-Awtorità Għolja għall-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) (1951) u Kummissjoni għal kull waħda miż-żewġ komunitajiet stabbiliti bit-Trattat ta’ Ruma fl-1957: il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Euratom. Permezz tat-Trattat li Jgħaqqad tat-8 ta’ April 1965, kemm l-istrutturi eżekuttivi tal-KEFA, tal-KEE u tal-Euratom u l-baġits ta’ dawk l-istituzzjonijiet (bil-Kummissjoni bħala l-aktar waħda importanti) ingħaqdu f’Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej waħda (għal aktar informazzjoni ara l-iskeda informattiva tal-Parlament dwar żviluppi li saru sal-Att Uniku Ewropew). Meta t-Trattat tal-KEFA skada fl-2002, 50 sena wara l-istabbiliment tiegħu, l-assi tal-KEFA reġgħu lura għand il-Kummissjoni (f’konformità mal-Artikolu 1 tal-Protokoll għat-Trattat ta’ Nizza dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar). Il-Kummissjoni hija responsabbli għat-tlestija ta’ operazzjonijiet pendenti, għall-ġestjoni tal-assi tal-KEFA u biex jiġi żgurat il-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ riċerka f’setturi relatati mal-industrija tal-faħam u l-azzar.
Il-kompożizzjoni u l-istatus legali
A. L-għadd tal-membri
Għal żmien twil, il-Kummissjoni kienet magħmula minn tal-anqas Kummissarju wieħed iżda mhux aktar minn tnejn għal kull Stat Membru. Filwaqt li t-Trattat ta’ Liżbona jippermetti lill-Kunsill Ewropew jiddetermina l-għadd ta’ Kummissarji (l-Artikolu 17(5) tat-TUE), fl-2009 ġie deċiż li l-Kummissjoni tkompli tikkonsisti f’għadd ta’ membri ugwali għall-għadd ta’ Stati Membri. Il-Kummissjoni attwali (2024-2029) tikkonsisti minn 27 membru, li jinkludu l-President, ħames Viċi Presidenti Eżekuttivi, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) u 20 Kummissarju.
B. Il-metodu tal-ħatra
It-Trattat ta’ Liżbona jistabbilixxi li r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej għandhom jiġu kkunsidrati meta l-Kunsill Ewropew, li jikkonsisti mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri tal-UE, wara konsultazzjonijiet xierqa (kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni 11 dwar l-Artikolu 17(6) u (7) tat-TUE bħala anness tat-Trattat) u filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jipproponi kandidat għal President tal-Kummissjoni lill-Parlament. Dan il-kandidat jiġi elett mill-Parlament b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu (l-Artikolu 17(7) tat-TUE).
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kunsill”), li jikkonsisti f’ministri tal-gvern minn kull pajjiż tal-UE, jadotta l-lista tal-persuni l-oħra li jipproponi biex jinħatru bħala membri tal-Kummissjoni, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata u bi qbil komuni mal-President elett, abbażi tas-suġġerimenti magħmula mill-Istati Membri.
Il-President u l-membri l-oħra tal-Kummissjoni, inkluż il-VP/RGħ, jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali, l-impenn Ewropew u l-indipendenza tagħhom (l-Artikolu 17(3) tat-TUE). Huma soġġetti għal vot ta’ approvazzjoni, bħala korp, mill-Parlament u mbagħad jinħatru mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Il-Kummissjoni attwali ġiet approvata mill-Parlament fis-27 ta’ Novembru 2024 u bdiet il-mandat tagħha fl-1 ta’ Diċembru 2024.
Mit-Trattat ta’ Maastricht ’l hawn, il-mandati tal-Kummissarji saru daqs il-mandat leġiżlattiv tal-Parlament ta’ ħames snin u jistgħu jiġġeddu.
C. Ir-responsabbiltà
1. Ir-responsabbilità personali (l-Artikolu 245 tat-TFUE)
Il-Membri tal-Kummissjoni huma meħtieġa:
- ikunu għalkollox indipendenti fil-qadi ta’ dmirijiethom, fl-interess ġenerali tal-Unjoni; b’mod partikolari, la jistgħu jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn ebda gvern jew korp estern ieħor;
- li ma jinvolvu ruħhom f’ebda professjoni oħra, kemm jekk bi qligħ jew bla qligħ.
Il-Kummissarji jistgħu jitneħħew b’mod obbligatorju mill-kariga mill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni nnifisha, f’każ li dawn jiksru kwalunkwe wieħed minn dawn l-obbligi jew jekk jinstabu ħatja ta’ mġiba serjament ħażina (l-Artikolu 247 tat-TFUE).
2. Ir-responsabbiltà kollettiva
Il-Kummissjoni hija responsabbli kollettivament quddiem il-Parlament skont l-Artikolu 234 tat-TFUE. Jekk il-Parlament jadotta mozzjoni ta’ ċensura kontra l-Kummissjoni, il-membri kollha tagħha jenħtiġilhom jirriżenjaw, inkluż il-VP/RGħ, minn dak li jikkonċerna l-kariga tagħhom fil-Kummissjoni. Mill-1972, tressqu 16-il mozzjoni ta’ ċensura, li l-ebda waħda minnhom ma ġiet adottata.
L-organizzazzjoni u l-operat
Il-Kummissjoni taħdem taħt il-gwida politika tal-President tagħha, li jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni interna tagħha. Il-President jalloka s-setturi ta’ ħidma tagħha lill-membri. Dan jagħti lil kull Kummissarju r-responsabbiltà għal settur politiku speċifiku u l-awtorità fuq id-dipartimenti amministrattivi kkonċernati. Wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Kulleġġ, il-President jaħtar lill-Viċi Presidenti minn fost il-membri tiegħu. Ir-Rappreżentant Għoli huwa awtomatikament Viċi President tal-Kummissjoni. Membru tal-Kummissjoni jeħtieġlu jirriżenja jekk il-President jitolbu jagħmel hekk, soġġett għall-approvazzjoni tal-Kulleġġ.
Il-Kummissjoni hija magħmula minn 41 direttorat ġenerali, inkluż is-Segretarjat Ġenerali, li jiżviluppaw, jimmaniġġjaw u jimplimentaw il-politika, id-dritt u l-fondi tal-UE. Il-bidliet strutturali reċenti jinkludu l-ħolqien tad-DĠ MENA (il-Lvant Nofsani, l-Afrika ta’ Fuq u l-Golf) u d-DĠ ENEST (it-Tkabbir u l-Viċinat tal-Lvant) fl-1 ta’ Frar 2025, li rriżultaw mill-qsim f’żewġ eks DĠ NEAR (Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir). Hemm ukoll sitt aġenziji eżekuttivi li jwettqu kompiti ddelegati lilhom mill-Kummissjoni iżda li għandhom il-personalità legali tagħhom stess: l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali, l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura.
Ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, il-Kummissjoni taġixxi b’mod kolleġjali b’maġġoranza mill-membri tagħha (l-Artikolu 250 tat-TFUE). Il-Kummissjoni tiltaqa’ kull ġimgħa biex tiddiskuti kwistjonijiet politikament sensittivi u tadotta l-proposti li jrid jintlaħaq ftehim dwarhom permezz ta’ proċedura orali, filwaqt li kwistjonijiet anqas sensittivi jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub. Miżuri li jirrigwardaw il-ġestjoni jew l-amministrazzjoni jistgħu jiġu adottati permezz ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni, li permezz tagħha l-Kulleġġ jagħti lil wieħed mill-membri tiegħu l-awtorità li jieħu deċiżjonijiet f’ismu (dan huwa partikolarment rilevanti f’oqsma bħall-għajnuna għall-agrikoltura jew miżuri anti-dumping), jew permezz ta’ sottodelega, fejn id-deċiżjonijiet jiġu ddelegati lil livell amministrattiv, normalment lid-Diretturi Ġenerali.
Is-setgħat
A. Is-setgħa ta’ inizjattiva
Bħala regola, il-Kummissjoni hija responsabbli biex tipproponi leġiżlazzjoni (l-Artikolu 17(2) tat-TUE). Hija tħejji atti proposti li għandhom jiġu adottati miż-żewġ istituzzjonijiet li jieħdu d-deċiżjonijiet: il-Parlament u l-Kunsill.
1. L-inizjattiva sħiħa: is-setgħa ta’ proposta
a. L-inizjattiva leġiżlattiva
Is-setgħa ta’ proposta hija l-forma sħiħa tas-setgħa ta’ inizjattiva, peress li hija ġeneralment esklużiva u restrittiva fuq l-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet, sal-punt li ma tistax tieħu deċiżjoni sakemm ma jkunx hemm proposta u d-deċiżjoni tagħha trid tkun ibbażata fuq il-proposta kif ippreżentata.
Il-Kummissjoni tfassal u tressaq lill-Kunsill u lill-Parlament kwalunkwe proposta leġiżlattiva (għal regolamenti jew direttivi) li tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-Trattati (għal aktar informazzjoni ara l-iskeda informattiva tal-Parlament dwar il-proċeduri supranazzjonali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet)
b. L-inizjattiva baġitarja
Il-Kummissjoni tfassal l-abbozz ta’ baġit li tipproponi lill-Kunsill u lill-Parlament skont l-Artikolu 314 tat-TFUE (għal aktar informazzjoni ara l-iskeda informattiva dwar il-proċedura baġitarja). Kull sena, kull istituzzjoni, għajr il-Kummissjoni, tfassal estimi, inklużi d-dħul kollu u n-nefqa kollha tagħha, li tibgħat lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Lulju (l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Finanzjarju). Barra minn hekk, kull korp li huwa stabbilit skont it-Trattati, li għandu personalità legali u li jirċievi kontribuzzjoni li titħallas mill-baġit jibgħat estimi lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena. Il-Kummissjoni mbagħad tibgħat id-dikjarazzjoni tal-estimi tal-aġenziji tal-UE lill-Parlament u lill-Kunsill u tipproponi l-ammont tal-kontribuzzjoni għal kull korp tal-UE u l-għadd tal-persunal li tqis meħtieġa għas-sena finanzjarja li jmiss.
Fir-rigward tas-sistema ta’ riżorsi proprji tal-UE, id-Deċiżjoni bażika dwar ir-Riżorsi Proprji trid tiġi adottata unanimament mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni (l-Artikolu 17 tat-TUE) u wara konsultazzjoni mal-Parlament, b’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali (l-Artikolu 311(3) tat-TFUE). Huwa possibbli li jiġu stabbiliti kategoriji ġodda ta’ riżorsi proprji u li dawk eżistenti jiġu aboliti fi kwalunkwe ħin, iżda tali deċiżjonijiet jistgħu jiġu adottati biss abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni (l-Artikolu 17(2) tat-TUE). Barra minn hekk, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Qorti tal-Awdituri, il-Kunsill jiddetermina l-metodi u l-proċedura li permezz tagħhom id-dħul tal-baġit, ipprovdut skont l-arranġamenti relatati mar-riżorsi proprji tal-Unjoni, isir disponibbli lill-Kummissjoni (l-Artikolu 322(2) tat-TFUE).
c. Ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux membri tal-Unjoni
Meta l-Kunsill ikun ta mandat, il-Kummissjoni hija responsabbli għan-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali skont l-Artikoli 207 u 218 tat-TFUE, li mbagħad jitressqu quddiem il-Kunsill bil-ħsieb tal-konklużjoni tagħhom. Dan jinkludi n-negozjati għall-adeżjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (l-Artikolu 6(2) tat-TUE). Fir-rigward tal-politika għall-affarijiet barranin u ta’ sigurtà, huwa r-Rappreżentant Għoli li jinnegozja l-ftehimiet. Skont l-Artikolu 50 tat-TUE u l-Artikolu 218(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni tissottometti wkoll rakkomandazzjonijiet dwar il-ftuħ tan-negozjati dwar il-ħruġ mill-UE.
2. L-inizjattiva limitata: is-setgħa ta’ rakkomandazzjoni jew ta’ opinjoni
a. Fil-kuntest tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (għal aktar informazzjoni ara l-iskeda informattiva tal-Parlament dwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja).
Il-Kummissjoni għandha rwol fil-ġestjoni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Hija tressaq lill-Kunsill:
- rakkomandazzjonijiet għall-abbozz ta’ linji gwida ġenerali tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, u twissijiet jekk ikun hemm riskju li dawk il-politiki ma jkunux kompatibbli mal-linji gwida (l-Artikolu 121(4) tat-TFUE);
- proposti għal valutazzjoni biex il-Kunsill ikun jista’ jiddetermina jekk Stat Membru għandux żbilanċ eċċessiv (l-Artikolu 126(6) tat-TFUE);
- rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu jekk Stat Membru mhux fiż-żona tal-euro jsib ruħu f’diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti, kif previst fl-Artikolu 143 tat-TFUE;
- rakkomandazzjonijiet għar-rata tal-kambju bejn il-munita unika u muniti oħra u għal orjentazzjonijiet ġenerali għall-politika tar-rata tal-kambju, kif previst fl-Artikolu 219 tat-TFUE;
- valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ politika nazzjonali u preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew.
b. Fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni
F’dan il-qasam, ħafna setgħat ġew ittrasferiti mill-Kummissjoni lill-VP/RGħ u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tappoġġja lill-VP/RGħ fit-tressiq ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċerna l-politika estera u ta’ sigurtà komuni (l-Artikolu 30 TUE).
B. Is-setgħa li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni
It-Trattati jesiġu li l-Kummissjoni tiżgura li dawn jiġu implimentati kif xieraq, flimkien ma’ kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed għal dak il-għan (leġiżlazzjoni sekondarja). Dan huwa r-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati. Dan ir-rwol jitwettaq prinċipalment permezz tal-proċedura ta’ ksur applikata għall-Istati Membri meta jonqsu milli jissodisfaw obbligu skont it-Trattati, kif stabbilit fl-Artikolu 258 tat-TFUE.
C. Is-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni
Il-proċedura ta’ komitoloġija preċedenti ġiet sostitwita bi strumenti legali ġodda, jiġifieri l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni.
1. Is-setgħat ta’ implimentazzjoni
Kif konferit bit-Trattati, is-setgħat ewlenin mogħtija lill-Kummissjoni huma kif ġej:
- l-implimentazzjoni tal-baġit (l-Artikolu 17(1) tat-TUE, l-Artikolu 317 tat-TFUE). Ladarba l-baġit ikun ġie adottat, mill-1 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja ta’ wara, kull Stat Membru jagħmel il-pagamenti dovuti lill-UE permezz ta’ kontribuzzjonijiet ta’ kull xahar lill-baġit tal-UE li jiġu ddepożitati f’kont bankarju f’isem il-Kummissjoni Ewropea fil-ministeru tal-finanzi nazzjonali jew fil-bank ċentrali;
- l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri ta’ salvagwardja stipulati fit-Trattati, partikolarment waqt il-perjodi tranżizzjonali (pereżempju l-Artikolu 201 tat-TFUE);
- l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni, partikolarment billi l-għajnuna mill-Istat tinżamm taħt l-eżami, skont l-Artikolu 108 tat-TFUE.
Fil-każ tal-pakketti ta’ salvataġġ finanzjarju li jindirizzaw il-kriżi tad-dejn li qed jaffaċċjaw xi Stati Membri, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi miġbura permezz tal-baġit tal-UE u ggarantiti minnu. Għandha wkoll is-setgħa li tibdel il-proċedura ta’ votazzjoni fil-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), biex il-Bord tal-Gvernaturi jkun jista’ jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata speċjali (85%) minflok ma jaġixxi bl-unanimità, jekk tiddeċiedi (flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew) li n-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tqiegħed f’riskju s-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro (l-Artikolu 4(4) tat-Trattat tal-MES) (għal aktar informazzjoni ara l-iskeda informattiva dwar l-assistenza finanzjarja lill-Istati Membri tal-UE).
2. Id-delegati mill-Parlament u mill-Kunsill
F’konformità mal-Artikolu 291 tat-TFUE, il-Kummissjoni teżerċita s-setgħat mogħtija lilha għall-implimentazzjoni tal-atti leġiżlattivi adottati mill-Parlament u mill-Kunsill.
It-Trattat ta’ Liżbona introduċa “regoli u prinċipji ġenerali ġodda dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni” (l-Artikolu 291(3) tat-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 182/2011). Dawn jieħdu post il-mekkaniżmi preċedenti tal-komitoloġija b’żewġ arranġamenti ġodda, jiġifieri l-proċedura konsultattiva u l-proċedura ta’ eżami. Id-dritt ta’ skrutinju mogħti lill-Parlament u lill-Kunsill huwa inkluż formalment, u fil-każ ta’ kunflitt, l-istess hija dispożizzjoni għal proċedura ta’ appell.
3. L-atti delegati
It-Trattat ta’ Liżbona introduċa wkoll kategorija ġdida ta’ atti; dawn jaqgħu bejn l-atti leġiżlattivi u l-atti ta’ implimentazzjoni. Dawn l-“atti delegati mhux leġiżlattivi” (l-Artikolu 290 tat-TFUE) huma “atti ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissupplementaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv” (imsejjaħ ukoll l-“att bażiku”). Bħala prinċipju, il-Parlament għandu l-istess drittijiet ta’ sorveljanza bħall-Kunsill.
D. Is-setgħat regolatorji u konsultattivi
It-Trattati rarament jagħtu setgħat regolatorji sħaħ lill-Kummissjoni. Eċċezzjoni waħda għal dik ir-regola huwa l-Artikolu 106 tat-TFUE, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tinforza r-regoli tal-Unjoni dwar l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali u, fejn meħtieġ, tindirizza d-direttivi jew id-deċiżjonijiet xierqa lill-Istati Membri.
It-Trattati jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tagħmel rakkomandazzjonijiet jew li tippreżenta rapporti u opinjonijiet f’diversi każijiet. Jipprevedu wkoll li tiġi kkonsultata dwar ċerti deċiżjonijiet, bħal pereżempju l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Unjoni (l-Artikolu 49 tat-TUE). Il-Kummissjoni tiġi kkonsultata wkoll, b’mod partikolari, dwar bidliet fl-istatuti ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra, bħall-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew, tal-Ombudsman Ewropew u tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Kummissjoni hija l-interlokutur prinċipali tal-Parlament fir-rigward ta’ kwistjonijiet leġiżlattivi u baġitarji. L-iskrutinju min-naħa tal-Parlament tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni u t-twettiq tiegħu huwa dejjem aktar importanti sabiex tiġi żgurata leġittimità demokratika aħjar fil-governanza tal-UE. Flimkien mal-Kunsill, il-Parlament jirċievi l-abbozz tal-baġit annwali għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfassal id-dikjarazzjoni tal-estimi tagħha stess, li tibgħat ukoll separatament lill-Parlament u lill-Kunsill għall-approvazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 319 tat-TFUE, il-Parlament għandu d-dritt jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni.
Il-Parlament jiġi kkonsultat dwar id-Deċiżjoni bażika dwar ir-Riżorsi Proprji, f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali (l-Artikolu 289(2) tat-TFUE), fuq proposta mill-Kummissjoni (l-Artikolu 311(2) tat-TFUE). Il-miżuri ta’ implimentazzjoni korrispondenti huma adottati mill-Kunsill (f’konformità mal-Artikolu 291(2) tat-TFUE) wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni (l-Artikolu 311(3) tat-TFUE).
Il-Kummissjoni għandha żżomm djalogu kontinwu mal-Parlament Ewropew matul il-mandat kollu tagħha, li jibda bis-seduti ta’ smigħ tal-Kummissarji nnominati u jkompli bl-impenji speċifiċi meħuda matul dawn is-seduti ta’ smigħ, il-monitoraġġ ta’ nofs it-terminu ta’ dawk l-impenji u d-djalogu strutturat sistematiku ma’ kumitati parlamentari speċifiċi.
Skont it-Trattat ta’ Maastricht, imsaħħaħ bit-Trattat ta’ Liżbona (l-Artikolu 225 tat-TFUE), il-Parlament Ewropew għandu d-dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva li jippermettilu jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta. Il-Parlament jista’ jintroduċi wkoll rekwiżiti ta’ rapportar fil-leġiżlazzjoni tiegħu, li jobbligaw lill-Kummissjoni tippreżenta rapporti ta’ implimentazzjoni.
Il-Kummissjoni xi drabi tonqos milli tikkonforma mat-talbiet tal-Parlament għal proposti (bħal fil-każ tar-rakkomandazzjoni tal-Parlament tal-15 ta’ Ġunju 2023 fir-rigward tal-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti) jew iddewwem il-preżentazzjoni ta’ rapporti ta’ implimentazzjoni importanti (pereżempju, l-ewwel rapport dwar l-applikazzjoni u l-funzjonament tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi).
Il-protezzjoni tad-data personali fl-iskambji trans-Atlantiċi tad-data hija eżempju ieħor. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-kawża “Schrems II” f’Lulju 2020 wasslet għall-invalidazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ data, minħabba tħassib li ċ-ċittadini tal-UE ma kinux protetti fl-iskambji trans-Atlantiċi ta’ data. Fir-riżoluzzjoni tiegħu, il-Parlament ikkritika l-fatt li l-Kummissjoni kienet poġġiet ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti qabel l-interessi taċ-ċittadini tal-UE, u li b’hekk il-Kummissjoni ħalliet il-kompitu li tiddefendi l-liġi tal-UE f’idejn iċ-ċittadini individwali. Minkejja din il-kritika, u riżoluzzjoni oħra tal-Parlament li tikkonkludi li l-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti jonqos milli joħloq ekwivalenza essenzjali fil-livell ta’ protezzjoni, fl-10 ta’ Lulju 2023 il-Kummissjoni adottat it-tielet deċiżjoni tagħha dwar il-livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali skont il-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti.
Din l-iskeda informattiva tħejjiet mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali.
Joanna APAP / Christophe BEAUDOUIN