Il-proċeduri supranazzjonali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet
Minħabba s-sħubija tagħhom mal-UE, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ftiehmu li jittrasferixxu wħud mis-setgħat tagħhom lill-istituzzjonijiet tal-UE f’oqsma ta’ politika speċifiċi. Għalhekk, l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu deċiżjonijiet supranazzjonali li jorbtu, fil-proċeduri leġiżlattivi u eżekuttivi tagħhom, fil-proċeduri baġitarji, fil-proċeduri tal-ħatra u fil-proċeduri li huma kważi kostituzzjonali.
L-istorja (1.1.1, 1.1.2, 1.1.3, 1.1.4 u 1.1.5)
It-Trattat ta’ Ruma ta lill-Kummissjoni s-setgħat li tipproponi u tinnegozja, prinċipalment fl-oqsma tal-leġiżlazzjoni u tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni, u alloka setgħat għat-teħid tad-deċiżjonijiet lill-Kunsill jew, fil-każ tal-ħatriet, lir-rappreżentanti governattivi tal-Istati Membri. Lill-Parlament tah setgħa konsultattiva. Ir-rwol tal-Parlament kiber gradwalment, fil-qasam baġitarju, bir-riformi tal-1970 u tal-1975, u fil-qasam leġiżlattiv, bl-Att Uniku Ewropew u bit-Trattati sussegwenti kollha, bit-Trattat ta’ Maastricht li introduċa l-kodeċiżjoni mal-Kunsill u kabbar ukoll ir-rwol tal-Parlament fil-ħatriet. Barra minn hekk, l-Att Uniku Ewropew ta wkoll lill-Parlament is-setgħa li jawtorizza ratifika tat-trattati tal-adeżjoni u tal-assoċjazzjoni; It-Trattat ta’ Maastricht estenda dik is-setgħa għal trattati internazzjonali oħra ta’ ċertu tip. It-Trattat ta’ Amsterdam għamel progress sostanzjali sabiex il-Komunità ssir aktar demokratika billi għamel il-proċedura ta’ kodeċiżjoni aktar sempliċi, estendieha għal setturi ġodda u saħħaħ ir-rwol tal-Parlament fil-ħatra tal-Kummissjoni. B’segwitu għal dan l-approċċ, it-Trattat ta’ Nizza żied b’mod konsiderevoli s-setgħat tal-Parlament. Min-naħa l-waħda, il-proċedura ta’ kodeċiżjoni (li biha l-Parlament għandu l-istess setgħat li għandu l-Kunsill) ġiet applikata kważi għas-setturi l-ġodda kollha fejn il-Kunsill kien intitolat jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata. Min-naħa l-oħra, il-Parlament kiseb l-istess setgħat bħall-Istati Membri fir-rigward tar-riferiment ta’ kwistjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. It-Trattat ta’ Liżbona huwa pass kwalitattiv ulterjuri lejn ugwaljanza sħiħa mal-Kunsill fil-leġiżlazzjoni u l-finanzi tal-UE.
Il-proċeduri leġiżlattivi[1]
A. Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-Artikoli 289 u 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).
1. Il-kamp ta’ applikazzjoni
It-Trattat ta’ Liżbona żied 40 bażi legali oħra, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġustizzja, tal-libertà u tas-sigurtà kif ukoll fl-agrikultura, fejn il-Parlament issa jiddeċiedi fuq atti leġiżlattivi fuq l-istess livell mal-Kunsill. Għaldaqstant, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li qabel kienet tissejjaħ il-proċedura ta’ kodeċiżjoni, tapplika għal 85 bażi legali. Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tinkludi l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata (VMK) fil-Kunsill (l-Artikolu 294 tat-TFUE). Madankollu, din ma tapplikax għal diversi oqsma importanti, bħal pereżempju għall-politika fiskali li tikkonċerna t-tassazzjoni diretta jew aspetti tranżnazzjonali tal-liġi tal-familja, li jirrikjedu l-unanimità fil-Kunsill.
2. Il-proċedura
Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja ssegwi l-istess passi tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni preċedenti. Madankollu, il-kliem tat-TFUE nbidel b’mod konsiderevoli, notevolment biex jenfasizza r-rwol ugwali tal-Kunsill u tal-Parlament f’din il-proċedura, u hija kif ġej:
a. il-proposta tal-Kummissjoni
il-Kummissjoni tabbozza proposta leġiżlattiva, li tiġi ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill.
b. l-ewwel qari fil-Parlament
il-Parlament jadotta l-pożizzjoni tiegħu b’maġġoranza sempliċi.
c. l-ewwel qari fil-Kunsill
il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu permezz tal-VMK.
Fl-oqsma tas-sigurtà soċjali u l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, il-proposta tista’ tiġi ppreżentata lill-Kunsill Ewropew fuq talba ta’ Stat Membru wieħed (l-Artikoli 48 u 82 tat-TFUE), u din tissospendi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja sakemm il-Kunsill Ewropew jassenja mill-ġdid il-kwistjoni lill-Kunsill (mhux aktar tard minn erba’ xhur). Fil-każ tal-Artikolu 82, mill-anqas disa’ Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li jkomplu d-deliberazzjonijiet skont il-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa (l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 326-334 tat-TFUE).
Jekk il-Kunsill japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, l-att jiġi adottat bil-formulazzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-Parlament.
d. It-tieni qari fil-Parlament
Il-Parlament jirċievi l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill u għandu tliet xhur biex jieħu deċiżjoni. Għalhekk huwa jista’:
- japprova l-proposta kif emendata mill-Kunsill jew ma jieħu l-ebda deċiżjoni; fiż-żewġ każijiet, jiġi adottat l-att emendat mill-Kunsill;
- jirrifjuta l-pożizzjoni tal-Kunsill b’maġġoranza assoluta tal-Membri tiegħu; l-att ma jiġix adottat u l-proċedura tintemm;
- jadotta, b’maġġoranza assoluta tal-Membri tiegħu, emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill, li mbagħad jitressqu quddiem il-Kummissjoni u l-Kunsill għall-opinjoni tagħhom.
e. It-tieni qari fil-Kunsill
- Jekk il-Kunsill, li jivvota b’maġġoranza kwalifikata fuq l-emendi tal-Parlament, u b’mod unanimu għal dawk li dwarhom il-Kummissjoni tat opinjoni negattiva, japprova l-emendi kollha tal-Parlament mhux aktar tard minn tliet xhur wara li dawn jaslu għandu, l-att jiġi adottat.
- Inkella, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jiltaqa’ fi żmien sitt ġimgħat.
f. Il-konċiljazzjoni
- Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni huwa magħmul minn numru ugwali ta’ rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Parlament, assistiti mill-Kummissjoni. Huwa jikkunsidra l-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill u għandu sitt ġimgħat biex jaqbel dwar test konġunt bl-appoġġ ta’ maġġoranza kwalifikata tar-rappreżentanti tal-Kunsill kif ukoll tal-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Parlament.
- Il-proċedura tintemm u l-att ma jiġix adottat jekk il-Kumitat ma jilħaqx ftehim dwar test konġunt sal-iskadenza.
- Jekk il-Kumitat jilħaq ftehim dwar test konġunt, dan jintbagħat lill-Kunsill u lill-Parlament għall-approvazzjoni.
g. Il-konklużjoni tal-proċedura (it-tielet qari)
- Il-Kunsill u l-Parlament għandhom sitt ġimgħat biex japprovaw it-test konġunt. Il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata u l-Parlament b’maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħin.
- L-att jiġi adottat jekk il-Kunsill u l-Parlament japprovaw it-test konġunt.
- Jekk waħda mill-istituzzjonijiet ma tkunx għadha tat l-approvazzjoni tagħha sad-data ta’ skadenza, il-proċedura tintemm u l-att ma jiġix adottat.
Matul dawn l-aħħar ftit snin, l-għadd ta’ ftehimiet fl-ewwel qari abbażi ta’ negozjati informali bejn il-Kunsill u l-Parlament żdied b’mod sinifikanti.
Ċerti klawżoli “passerelle” jippermettu lill-Kunsill Ewropew jestendi l-applikazzjoni tal-proċedura ordinarja f’oqsma eżentati minnha (pereżempju l-politika soċjali: l-Artikolu 153(2) tat-TFUE).
B. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni
Qabel ma l-Kunsill jieħu deċiżjoni, jeħtieġ iqis l-opinjoni tal-Parlament u, jekk ikun neċessarju, dik tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll tal-Kumitat tar-Reġjuni. Huwa meħtieġ li jagħmel dan, peress li n-nuqqas ta’ tali konsultazzjoni jagħmel l-att illegali u dan jista’ jwassal għal annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza fil-Kawżi 138 u 139/79). Meta l-Kunsill ikun biħsiebu jemenda l-proposta b’mod sostanzjali, huwa meħtieġ li jerġa’ jikkonsulta lill-Parlament (sentenza fil-Kawża 65/90).
C. Il-proċedura ta’ approvazzjoni
1. Il-kamp ta’ applikazzjoni
B’riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, il-proċedura ta’ approvazzjoni tapplika b’mod partikolari għall-klawżola orizzontali ta’ flessibbiltà baġitarja, kif speċifikat fl-Artikolu 352 tat-TFUE (l-ex Artikolu 308 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea). Eżempji oħrajn huma l-azzjoni biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni (l-Artikolu 19(1) tat-TFUE) u s-sħubija tal-Unjoni (l-Artikoli 49 u 50 tat-TUE). Barra minn hekk, hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-Parlament għal ftehimiet ta’ assoċjazzjoni (l-Artikolu 217 tat-TFUE), għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikolu 6(2) tat-TUE) u għal ftehimiet li jistabbilixxu qafas istituzzjonali speċifiku li jinvolvu implikazzjonijiet baġitarji kbar jew li jikkonċernaw oqsma fejn tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-Artikolu 218(6) tat-TFUE).
2. Il-proċedura
Il-Parlament iqis abbozz ta’ att imressaq mill-Kunsill u jiddeċiedi jekk japprovax l-abbozz jew le (ma jistax jemendah) b’maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħin. Il-Parlament ma jingħata l-ebda rwol formali mit-Trattat fil-fażijiet preċedenti tal-proċedura biex jikkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, iżda b’riżultat tal-arranġamenti interistituzzjonali saret in-norma li l-Parlament jiġi involut b’mod informali (ara r-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament).
Il-proċeduri tal-ħatra
- Il-Parlament jeleġġi l-President tal-Kummissjoni (l-Artikolu 14(1) tat-TUE) (1.3.8).
- Il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jaħtar ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (l-Artikolu 18(1) tat-TUE).
- Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jadotta l-lista tal-persuni l-oħra li jipproponi għall-ħatra bħala membri tal-Kummissjoni, bi qbil komuni mal-President elett (l-Artikolu 17(7) tat-TUE).
- Il-Kunsill jadotta l-lista:
- tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri (l-Artikolu 286 tat-TFUE), wara li jikkonsulta lill-Parlament u skont il-proposti mressqa mill-Istati Membri;
- tal-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li titfassal skont il-proposti magħmula minn kull Stat Membru (l-Artikoli 301, 302 u 305 tat-TFUE).
- Il-Parlament jeleġġi lill-Ombudsman Ewropew (l-Artikolu 228 tat-TFUE).
Il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali
Wara li kisbet personalità legali, l-Unjoni issa tista’ tikkonkludi ftehimiet internazzjonali (l-Artikolu 218 tat-TFUE). It-Trattat ta’ Liżbona jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fi kwalunkwe ftehim konkluż fil-qasam tal-Politika Kummerċjali Komuni kif ukoll fl-oqsma kollha li l-politiki tagħhom jaqgħu taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja fi ħdan l-UE. Il-Kunsill jiddeċiedi permezz ta’ VMK, bl-eċċezzjoni tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ adeżjoni, il-ftehimiet li għandhom ir-riskju li jippreġudikaw id-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni, u l-ftehimiet f’oqsma fejn tkun meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta’ atti interni.
- Il-proċedura: il-Kummissjoni jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, il-Kunsill jiddefinixxi l-mandat għan-negozjati u jinnomina n-negozjatur tal-Unjoni (rappreżentant tal-Kummissjoni jew mir-RGħ) biex imexxi n-negozjati. Il-Parlament Ewropew jeħtieġ jiġi informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura (l-Artikolu 218(10) tat-TFUE).
- Deċiżjoni: il-Kunsill, permezz ta’ VMK, minbarra fl-oqsma msemmija hawn fuq.
- Ir-rwol tal-Parlament: approvazzjoni għall-maġġoranza tal-ftehimiet (ara hawn fuq), konsultazzjoni għal ftehimiet li jaqgħu esklużivament fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà.
Il-proċeduri kważi kostituzzjonali
A. Is-sistema ta’ riżorsi proprji (l-Artikolu 311 tat-TFUE)
- Proposta: il-Kummissjoni;
- Ir-rwol tal-Parlament: konsultazzjoni;
- Deċiżjoni: il-Kunsill, b’mod unanimu, soġġetta għall-adozzjoni mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.
B. Id-dispożizzjonijiet għall-elezzjoni tal-Parlament b’vot universali dirett (l-Artikolu 223 tat-TFUE)
- Proposta: il-Parlament;
- Deċiżjoni: il-Kunsill, b’mod unanimu wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament u jirrakkomanda l-proposta lill-Istati Membri għall-adozzjoni skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom.
C. L-adozzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 223(2) tat-TFUE) u l-Istatut għall-Ombudsman (l-Artikolu 228(4) tat-TFUE)
- Proposta: il-Parlament;
- Ir-rwol tal-Kummissjoni: opinjoni;
- Ir-rwol tal-Kunsill: approvazzjoni (b’maġġoranza kwalifikata minbarra fejn għandhom x’jaqsmu r-regoli jew il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw l-arranġamenti fiskali għall-Membri jew għall-Membri preċedenti, f’liema każ tapplika l-unanimità);
- Deċiżjoni: il-Parlament.
D. L-emendar tal-protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Artikolu 281 tat-TFUE)
- Proposta: il-Qorti tal-Ġustizzja (b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni) jew il-Kummissjoni (b’konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja);
- Deċiżjoni: il-Kunsill u l-Parlament (proċedura leġiżlattiva ordinarja).
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Fil-Konferenza Intergovernattiva tas-sena 2000, il-Parlament għamel diversi proposti biex jestendi l-oqsma fejn tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (dik li qabel kienet “il-proċedura ta’ kodeċiżjoni”). Il-Parlament sostna wkoll ripetutament li, fejn kien hemm bidla minn unanimità għal maġġoranza kwalifikata, il-kodeċiżjoni għandha tapplika awtomatikament. It-Trattat ta’ Nizza approva din il-pożizzjoni, iżda ma allinjax kompletament il-maġġoranza kwalifikata u l-kodeċiżjoni. B’riżultat ta’ dan, il-kwistjoni tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri kienet wieħed mill-elementi prinċipali indirizzati fil-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa. Kien hemm proposti biex il-proċeduri ta’ kooperazzjoni u ta’ konsultazzjoni jitneħħew, biex il-proċedura ta’ kodeċiżjoni tiġi ssimplifikata u estiża sabiex tkopri l-qasam leġiżlattiv kollu, u biex il-proċedura ta’ kunsens tkun limitata għar-ratifika tal-ftehimiet internazzjonali. Ħafna minn dan it-titjib ġie implimentat bit-Trattat ta’ Liżbona (1.1.5).
Fir-rigward tal-ħatriet, it-Trattat ta’ Liżbona ma rnexxilux itemm il-firxa wiesgħa ta’ proċeduri differenti, għalkemm inkisbet ċerta simplifikazzjoni. L-unanimità għadha applikata f’ċerti każijiet, u għandha t-tendenza li tipprovoka tilwim politiku u tnaqqas l-influwenza tal-Parlament. Sar progress b’mod partikolari wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Nizza, permezz tal-bidla minn unanimità għal maġġoranza kwalifikata għall-ħatra tal-President tal-Kummissjoni. It-Trattat ta’ Liżbona, barra minn hekk, jipprevedi l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni mill-Parlament. Il-ħatra tal-President elett, wara konsultazzjonijiet xierqa tal-Parlament, trid tikkunsidra debitament ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej. Dan jenfasizza l-leġittimità u r-responsabbiltà politika tal-Kummissjoni Ewropea. Wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014, dawn id-dispożizzjonijiet ġew implimentati għall-ewwel darba. Il-Kunsill Ewropew qabel li jaħtar lil Jean-Claude Juncker bħala President tal-Kummissjoni Ewropea minħabba li l-grupp politiku li kien jappartjeni għalih, il-Partit Popolari Ewropew, kien l-akbar grupp fil-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet.
Din l-iskeda informattiva tħejjiet mid-Dipartiment Tematiku għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali.
Mariusz Maciejewski / Katharina MASSAY-KOSUBEK