X’qed tagħmel l-UE
L-UE taħdem mill-qrib ma’ sħabha fin-Nofsinhar tal-Mediterran biex tippromwovi l-prosperità, l-istabbiltà, u s-sigurtà komuni. It-tisħiħ tas-sħubijiet tagħna mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, tal-Lvant Nofsani, u tal-Golf jibqa’ prijorità strateġika għall-Ewropa. Biex tappoġġa din il-ħidma, il-Kummissjoni ħolqot Direttorat Ġenerali apposta.
Qed nibnu fuq il-kooperazzjoni prattika, li minnha jgawdi kulħadd — mill-kuntatti bejn in-nies u t-tisħiħ tal-ekonomiji, sat-tisħiħ tal-iżvilupp sostenibbli, u r-reżiljenza komuni. Biex tasal għal dan, il-Kummissjoni tiġbor flimkien firxa ta’ oqsma ta’ politika u tappoġġa lill-pajjiżi sħabna bl-għarfien espert tekniku u b’appoġġ finanzjarju permezz tal-istrumenti tal-UE.
Il-kooperazzjoni mal-Mediterran tan-Nofsinhar tinkludi 10 pajjiżi sħab: l-Alġerija, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina*, is-Sirja, u t-Tuneżija. Minbarra dawn il-pajjiżi, il-ħidma tal-UE tkopri wkoll il-pajjiżi fir-reġjun tal-Golf (6 pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf — il-Bahrain, il-Kuwajt, l-Arabja Sawdija, l-Oman, il-Qatar, u l-Emirati Għarab Magħquda — kif ukoll l-Iraq, il-Jemen, u l-Iran), b’impenn iffukat fuq il-kummerċ, l-investiment, il-konnettività, u s-sħubijiet għat-teknoloġija nadifa u għall-enerġija rinnovabbli.

Ċifri ewlenin
Oqsma ta’ azzjoni
Qafas ġdid ta’ kooperazzjoni għall-kuntatti bejn in-nies, it-tisħiħ tal-ekonomiji, u s-sigurtà madwar il-Mediterran u lil hinn minnu
Sħubijiet bilaterali li jiffukaw fuq l-investiment, il-kummerċ, l-enerġija, il-migrazzjoni, u aktar
Qafas strateġiku mfassal biex jippromwovi l-istabbiltà, is-sigurtà, u l-prosperità ekonomika fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani
Insaħħu s-sħubijiet mal-partijiet ikkonċernati reġjonali biex nippromwovu l-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun kollu u fl-Ewropa
Niżviluppaw sħubija aktar mill-qrib u orjentata lejn il-ġejjieni mal-pajjiżi tar-reġjun, inkluż permezz ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Strateġika
Nistimulaw l-investiment, u nappoġġjaw proġetti fl-oqsma tal-infrastruttura, tat-tranżizzjoni tal-enerġija, jew tal-wirt kulturali fil-Mediterran
Il-kisbiet ewlenin
- Sal-ħarifa tal-2025, il-proġetti tal-Global Gateway fin-Nofsinhar tal-Mediterran, sostnuti b’pakkett finanzjarju tal-UE ta’ €7 biljun, immobilizzaw €30 biljun f’investimenti pubbliċi u privati — sentejn qabel iż-żmien previst. Il-kejbil diġitali taħt il-baħar Medusa u l-impjanti tad-desalinizzazzjoni tal-ilma fuq skala kbira qed itejbu l-ħajja tan-nies.
- L-UE hija l-akbar fornitur ta’ assistenza esterna lill-Palestina* b’€1.36 biljun għall-perjodu 2021–2024 u €1.6 biljun għall-perjodu 2025–2027. Din l-għajnuna tkopri, fost l-oħrajn, is-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni, u s-servizzi soċjali għar-refuġjati Palestinjani, u l-aċċess għall-ilma u d-dawl, kif ukoll is-salarji għall-impjegati taċ-ċivil.
- Fl-2014, ġie stabbilit il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-kriżi tas-Sirja (Madad) biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet essenzjali ta’ ’l fuq minn 5 miljun refuġjat Sirjan. F’10 snin minn mindu beda jeżisti l-Madad, €2.38 biljun li ngħataw minn donaturi, inklużi l-Istati Membri tal-UE, marru għal 129 proġett kruċjali biex jiġu koperti servizzi bażiċi għal 11-il miljun persuna fil-bżonn.
- L-UE tappoġġa lill-intrapriżi mikro u żgħar u lill-intraprendituri nisa tar-reġjun b’aċċess għall-finanzi. Il-Fond SANAD qassam aktar minn €1.4 biljun f’sottoself li jsostni aktar minn 445,000 impjieg fin-Nofsinhar tal-Mediterran u fl-Afrika.
- Fl-ambitu tal-Erasmus+, ġew appoġġati 24 proġett ta’ bini tal-kapaċità fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fin-Nofsinhar tal-Mediterran bejn l-2022 u l-2025, u dawn servew bħala mutur għall-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli fir-reġjun.
- Matul il-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19, l-UE mmobilizzat aktar minn €2.3 biljun f’appoġġ għall-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Il-programmi ta’ kooperazzjoni tal-UE ġew adattati biex jappoġġaw lis-sistemi nazzjonali tas-saħħa b’tagħmir protettiv, taħriġ, u assistenza fl-isptarijiet.
Taħt il-lenti
Ir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq għandu wħud mill-aktar riżorsi tal-enerġija rinnovabbli abbundanti u kompetittivi f’termini ta’ kostijiet fid-dinja. Bil-ġenerazzjoni elettrika eolika u solari fuq skala kbira, dan ir-reġjun se jsir ċentru tat-tranżizzjoni tal-enerġija madwar il-Mediterran. Il-potenzjal tiegħu huwa stmat għal aktar minn 2,300 GW, aktar mid-doppju tal-kapaċità installata tal-UE bħalissa, u dan jenfasizza l-iskala strateġika ta’ din l-opportunità.
L-inizjattiva T-MED għandha l-għan li tagħti vantaġġ triplu lir-reġjun:
- żvilupp soċjoekonomiku inklużiv permezz tal-investiment, il-ħolqien tal-valur, l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-ħolqien tal-impjiegi
- aktar sigurtà tal-enerġija u kompetittività industrijali permezz ta’ enerġija diversifikata, bi prezzijiet raġonevoli, u rinnovabbli
- dekarbonizzazzjoni aċċellerata permezz tal-elettriku rinnovabbli, tal-idroġenu rinnovabbli, tal-użu ta’ teknoloġija nadifa, u tal-grilji transfruntieri.
* L-użu ta’ dan l-isem ma għandux jiġi interpretat bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 27 Mejju 2026






