Inħejju ruħna biex nirreaġixxu għall-kriżijiet
L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja theddid bla preċedent – minn tensjonijiet u kunflitti ġeopolitiċi, riskji taċ-ċibersigurtà u tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni, għat-tibdil fil-klima u riskji dejjem akbar ta’ perikli naturali. Biex tagħti spinta lill-kapaċità tal-UE li tantiċipa, tipprevjeni, u tirreaġixxi għal dan it-theddid, il-Kummissjoni ppreżentat l-istrateġija għal unjoni tal-preparatezza.
L-istrateġija għandha l-għan li ssaħħaħ il-preparatezza u l-prontezza ċivili u militari tal-UE f’każ ta’ kriżijiet fil-futur sabiex dawk kollha involuti jkunu lesti u kapaċi jirrispondu malajr u b’mod effettiv jekk ikun meħtieġ. L-istrateġija se tgħin fl-isforzi ta’ preparatezza nazzjonali billi ttejjeb il-koordinazzjoni u l-effiċjenza fil-qafas tal-istrateġiji eżistenti u billi tinkoraġġixxi kultura ta’ reżiljenza permezz tal-involviment tal-livelli kollha tas-soċjetà.

L-istrateġija hija bbażata fuq
- approċċ integrat li jkopri l-perikli kollha: jiffoka fuq it-tħejjija u r-rispons għal kull tip ta’ periklu, aktar milli jindirizzahom separatament
- approċċ soċjetali olistiku: is-setturi, l-organizzazzjonijiet, u l-individwi kollha għandhom ikunu involuti
- approċċ ta’ gvern sħiħ: l-aġenziji u d-dipartimenti tal-gvern jikkoordinaw u jikkollaboraw biex jindirizzaw il-perikli b’mod aktar effettiv
L-istrateġija tinkludi azzjonijiet dettaljati biex jitmexxew ’il quddiem l-objettivi tal-unjoni tal-preparatezza.
L-azzjonijiet ewlenin tal-istrateġija għal unjoni tal-preparatezza
Il-prospettiva u l-antiċipazzjoni
- niżviluppaw valutazzjoni komprensiva tar-riskji u t-theddid għall-UE
- noħolqu dashboard tal-kriżijiet għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet
- insaħħu ċ-ċentru ta’ koordinazzjoni tar-reazzjoni f'każ ta’ emerġenza
- niżviluppaw katalogu tal-UE għat-taħriġ u pjattaforma għal-lezzjonijiet li nieħdu
- nistabbilixxu servizz governattiv tal-UE għall-osservazzjoni tad-dinja (EOGS, Earth Observation Governmental Service)
Ir-reżiljenza tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà
- il-preparatezza u l-ippjanar għar-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa
- nagħmlu l-preparatezza parti mill-pjan fil-politiki u l-azzjonijiet tal-UE
- nadottaw rekwiżiti tal-preparatezza minimi
- nirrevedu l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili
- nipproponu strateġija għall-kumulazzjoni tar-riżervi tal-UE
- nipproponu pjan ta’ adattament għall-klima
- niggarantixxu l-provvista tal-ilma u ta’ riżorsi naturali kritiċi oħrajn
Il-preparatezza tal-popolazzjoni
- intejbu s-sistemi ta’ twissija bikrija
- inżidu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u t-theddid
- nippromwovu l-programmi ta’ sensibilizzazzjoni, bħall-panels taċ-ċittadini, il-kampanji online, u s-settijiet ta’ għodod għall-komunikazzjoni strateġika u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni
- niżviluppaw linji gwida biex il-popolazzjoni jkollha awtosuffiċjenza ta’ mill-inqas 72 siegħa
- ninkludu l-preparatezza fil-kurrikuli tal-edukazzjoni skolastika u fit-taħriġ tal-persunal edukattiv
- nippromwovu l-preparatezza fil-programmi taż-żgħażagħ
- nattiraw it-talent biex insaħħu l-preparatezza tal-UE
Kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u l-privat
- nistabbilixxu task force għall-preparatezza pubblika-privata
- niżviluppaw protokolli ta’ emerġenza bejn is-settur pubbliku u l-privat
- nirrevedu l-qafas tal-akkwist pubbliku
- nistabbilixxu ċentru Ewropew ta' għarfien espert dwar is-sigurtà tar-riċerka
Kooperazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar
- nagħmlu arranġamenti komprensivi ta’ preparatezza ċivili u militari
- niżviluppaw standards għall-ippjanar u l-investiment b’użu doppju, ċivili u militari
- norganizzaw eżerċizzji regolari tal-UE għall-promozzjoni ta’ preparatezza komprensiva
Il-koordinazzjoni tar-rispons għall-kriżijiet
- noħolqu ċentru tal-UE għall-koordinazzjoni fil-kriżijiet
- nagħtu spinta lir-riżerva ta’ kapaċitajiet ta’ rispons tar-rescEU fil-livell tal-UE
Reżiljenza permezz ta’ sħubijiet esterni
- navvanzaw ir-reżiljenza reċiproka mal-pajjiżi kandidati
- nintegraw il-preparatezza u r-reżiljenza fi sħubijiet bilaterali u f’istituzzjonijiet multilaterali
- nintegraw il-preparatezza u r-reżiljenza fil-kooperazzjoni man-NATO
- niżviluppaw reżiljenza reċiproka permezz ta’ politiki ekonomiċi u ta’ żvilupp esterni
Sfond
Fil-linji gwida politiċi tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen enfasizzat l-importanza li nibnu l-kapaċitajiet tal-Ewropa kif ukoll il-ħtieġa għal ambizzjoni ġdida dwar il-preparatezza għall-kriżijiet u fl-ambitu tas-sigurtà.
Ir-rapport ta’ Niinistö dwar il-preparatezza u l-prontezza tal-UE saħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ il-preparatezza ċivili u militari tal-Ewropa biex jiġu indirizzati l-isfidi rigward is-sigurtà. Ir-rapport irrikonoxxa li l-preparatezza hija kemm responsabbiltà nazzjonali kif ukoll responsabbiltà Ewropea kondiviża li tirrikjedi li l-Unjoni jkollha rwol aktar b’saħħtu biex tkun ta’ sostenn għall-Istati Membri.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 23 Mejju 2025






