Il-Fond ta’ Koeżjoni twaqqaf fl-1994 u jipprovdi finanzjament għal proġetti marbuta mal-qasam tal-ambjent u tan-networks trans-Ewropej fl-Istati Membri li għandhom introjtu nazzjonali gross per capita ta’ anqas minn 90% tal-medja tal-UE.

Il-bażi legali

L-Artikolu 177 (b’mod partikolari t-tieni paragrafu tiegħu) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi

Il-Fond ta’ Koeżjoni twaqqaf għall-fini li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni Ewropea fl-interessi tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli. Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, il-Fond jipprovdi appoġġ:

  • għall-investiment fl-ambjent, inklużi l-oqsma relatati mal-iżvilupp sostenibbli u l-enerġija li jippreżentaw benefiċċji ambjentali;
  • għan-networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport (TEN-T);
  • għall-assistenza teknika.

Għal proġetti li jaqdu l-objettivi tal-protezzjoni ambjentali tal-UE, il-Fond ta’ Koeżjoni jista’ jikkontribwixxi wkoll f’oqsma marbuta mal-iżvilupp sostenibbli, bħalma huma l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u – fis-settur tat-trasport apparti dak tan-networks trans-Ewropej – it-trasport bil-ferrovija, it-trasport fuq passaġġi fuq l-ilma interni, it-trasport bil-baħar, is-sistemi tat-trasport intermodali u l-interoperabbiltà tagħhom, il-ġestjoni tat-traffiku fit-toroq, tat-traffiku marittimu u tat-traffiku tal-ajru, it-trasport urban nadif u t-trasport pubbliku.

Il-Fond ta’ Koeżjoni jiffinanzja l-programmi b’responsabbiltà kondiviża bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri. L-Istati Membri jagħżlu liema proġetti jiffinanzjaw u jkunu responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum. Ir-regoli dwar kif għandhom jintużaw il-fondi huma stabbiliti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.

Il-pajjiżi eliġibbli

Il-Fond ta’ Koeżjoni huwa riżervat għall-Istati Membri li għandhom introjtu nazzjonali gross per capita ta’ anqas minn 90% tal-medja tal-UE. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, il-Fond ta’ Koeżjoni pprovda appoġġ lil 15-il Stat Membru: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja.

Ir-regoli baġitarji u finanzjarji

Ir-regoli għall-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 huma stabbiliti fir-regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar il-Fond ta’ Koeżjoni. Il-Fond jappoġġja proġetti taħt l-għan “Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi”, prinċipalment għal proġetti ambjentali u ta’ infrastruttura tat-trasport, inklużi n-networks trans-Ewropej (TEN-T).

Ir-regolament iżomm il-konċentrazzjoni tematika tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Il-Fond ta’ Koeżjoni jappoġġja żewġ objettivi speċifiċi: ekonomija aktar ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ċirkolari (l-Objettiv ta’ Politika (OP2)); u Ewropa aktar konnessa (OP3).

Il-politika ta’ koeżjoni tistabbilixxi lista ta’ attivitajiet li ma jistgħux jiġu appoġġjati mill-Fond ta’ Koeżjoni fil-perjodu 2021-2027. Din tinkludi d-dekummissjonar jew il-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari, infrastruttura tal-ajruporti (ħlief fir-reġjuni ultraperiferiċi) u xi operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-iskart (eż. landfill).

Il-baġit tal-UE għall-Fond ta’ Koeżjoni għall-2021-2027 huwa stabbilit għal EUR 42.6 biljun (bil-prezzijiet tal-2018, jiġifieri f’termini tal-valur tal-munita fl-2018), inklużi EUR 10 biljun għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li hija programm ta’ finanzjament tal-UE li jappoġġja l-iżvilupp tal-infrastruttura trans-Ewropea f’oqsma bħat-trasport, l-enerġija u s-servizzi diġitali. Ir-rata ta’ kofinanzjament tista’ tilħaq massimu ta’ 85% tal-valur tal-proġetti.

37% tal-allokazzjonijiet finanzjarji totali tal-Fond ta’ Koeżjoni huma mistennija li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi tal-UE.

Allokazzjonijiet tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 għal kull Stat Membru

Stat Membru Baġit (f’miljuni ta’ EUR)
il-Bulgarija 1 467
iċ-Ċekja 7 389
l-Estonja 952
il-Greċja 3 508
il-Kroazja 1 372
Ċipru 207
il-Latvja 1 204
il-Litwanja 1 645
l-Ungerija 3 015
Malta 192
il-Polonja 10 750
il-Portugall 3 946
ir-Rumanija 4 094
is-Slovenja 834
is-Slovakkja 1 868
Total 42 556*

* Inkluża l-assistenza teknika (EUR 114-il miljun).

Sors: Kummissjoni Ewropea, bil-prezzijiet tal-2018.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Ir-regolamenti li jistabbilixxu l-politika ta’ koeżjoni l-ġdida għall-perjodu 2021-2027 kienu soġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u għalhekk il-Parlament kellu d-drittijiet kollha li jipproponi emendi. Dan ippermetta lill-Parlament jagħmel ir-regoli proposti aktar flessibbli u jadattahom aħjar għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri.

Fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2022 dwar il-bidu tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027, il-Parlament indika l-COVID-19 bħala l-kawża ewlenija tad-dewmien fin-negozjati tal-politika ta’ koeżjoni, li wassal għal dewmien sussegwenti fl-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv għall-finanzjament 2021-2027. Il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq pjan ta’ kontinġenza biex tindirizza t-tħassib possibbli dwar in-nuqqas ta’ implimentazzjoni minħabba l-fatt li l-programm beda tard, billi beża’ li jkun hemm tnaqqis fil-baġit fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. Ir-riżoluzzjoni tenfasizza li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 ixekkel il-kapaċità tal-Istati Membri li jirrispondu għall-kriżijiet, inkluża l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

F’Settembru 2025, bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027, il-Parlament u l-Kunsill adottaw emendi għar-regolamenti li jirregolaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni. Dawn l-emendi jippermettu lill-Istati Membri jidderieġu mill-ġdid il-finanzjament mill-FEŻR u mill-Fond ta’ Koeżjoni lejn il-prijoritajiet strateġiċi l-ġodda tal-UE, bħall-enerġija, ir-reżiljenza tal-ilma u l-investimenti relatati mal-akkomodazzjoni (inkluż għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli). Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar dak li nbidel wara r-rieżami ta’ nofs it-terminu, ara l-iskeda informattiva (3.1.1).

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali.

 

Kelly Schwarz / Rubin Johann HAGELS