Kif taħdem l-Unjoni Ewropea

Kif taħdem l-Unjoni Ewropea

L-Unjoni Ewropea għandha l-istituzzjonijiet leġiżlattivi (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea) u eżekuttivi (il-Kummissjoni Ewropea) tagħha. Għandha wkoll sistema ġudizzjarja indipendenti (il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea) u bank ċentrali (il-Bank Ċentrali Ewropew). Dawn huma appoġġjati u kkomplementati minn istituzzjonijiet u korpi li għandhom setgħat mogħtija lilhom mit-Trattati fundaturi tal-UE. Is-setgħat u l-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE evolvew ħafna matul is-snin hekk kif it-Trattati ġew aġġornati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE jeħtiġilhom jagħtu l-approvazzjoni tagħhom għal liġijiet ġodda fil-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ politika. Sabiex twettaq l-għanijiet tagħha, l-UE għandha wkoll il-baġit proprju tagħha. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE għandhom l-istess saħħa biex jiddeċiedu dwar il-baġit tal-UE u l-pjan ta’ nfiq fit-tul tagħha.