Il-Komunità tal-Premju Sakharov
Il-Komunità tal-Premju Sakharov tħaddan rebbieħa tal-Premju Sakharov u Membri tal-Parlament Ewropew (MPE). Ġiet varat mill-Parlament Ewropew fl-2008, meta l-Premju Sakharov iċċelebra l-20 anniversarju tiegħu. Il-ħolqien tal-Komunità rrikonoxxa r-rwol speċjali tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov bħala Ambaxxaturi għal-Libertà tal-Ħsieb, u l-membri tagħha qablu li jsaħħu l-isforzi konġunti ta' appoġġ lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha permezz ta' azzjonijiet komuni meħuda mir-rebbieħa tal-Premju Sakharov u taħt l-awspiċi tal-Parlament Ewropew.
Il-Komunità tal-Premju Sakharov b'mod ġenerali tgħaqqad lill-MPE, ir-rebbieħa tal-Premju u s-soċjetà ċivili biex tqawwi l-kooperazzjoni rigward il-ħidma favur id-drittijiet tal-bniedem fi Brussell u internazzjonalment. Isservi bħala mezz ta' komunikazzjoni ħalli r-rebbieħa tal-premju u l-Parlament ikunu jistgħu jirrilevaw u jindirizzaw każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet relatati. Il-membri tal-Komunità regolarment jagħtu lectures tas-Sakharov madwar l-UE biex iqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u jqanqlu dibattitu pubbliku fil-kapitali Ewropej.
Il-Komunità tlaqqgħet flimkien għal konferenzi fl-2008, l-2011, l-2013, l-2016 u l-2018. Il-konferenzi tal-Komunità tal-Premju Sakharov huma forum ta' dibattitu fost il-MPE, ir-rebbieħa tal-Premju, rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u istituzzjonijiet internazzjonali oħra u s-soċjetà ċivili, u jservu ta' bażi għal azzjoni msaħħa tan-netwerk favur id-drittijiet tal-bniedem.
Kuntatti
European Parliament
Rue Wiertz 60
B-1047 Brussels