Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Fl-oqsma ta’ “kompetenza kondiviża” (ara t-Taqsima C hawn taħt), il-prinċipju tas-sussidjarjetà, stabbilit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jagħti definizzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom l-Unjoni għandha prijorità ta’ azzjoni fil-konfront tal-Istati Membri.

Il-bażi legali

L-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

L-objettivi

Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea. Fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa maħsub biex iħares il-kapaċità ta’ deċiżjoni u ta’ azzjoni tal-Istati Membri u jagħti lill-Unjoni l-leġittimità biex tintervjeni jekk l-objettivi ta’ xi azzjoni ma jkunux jistgħu jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri, iżda jkunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, “minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista”. L-għan li tiġi inkluża referenza għall-prinċipju fit-Trattati tal-UE huwa wkoll biex jiġi żgurat li s-setgħat jiġu eżerċitati kemm jista’ jkun possibbli qrib iċ-ċittadini, f’konformità mal-prinċipju ta’ prossimità msemmi fl-Artikolu 10(3) tat-TUE.

Il-kisbiet

A. L-oriġini u l-evoluzzjoni storika

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà ġie minqux formalment fit-TUE, iffirmat fl-1992: it-TUE inkluda referenza għall-prinċipju fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE). L-Att Uniku Ewropew, iffirmat fl-1986, kien diġà introduċa l-kriterju tas-sussidjarjetà fil-politika ambjentali, iżda mingħajr ma sejjaħlu hekk b’mod espliċitu. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Frar 1995 (T-29/92), iddeċidiet li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma kienx prinċipju ġenerali tad-dritt li fir-rigward tiegħu kellha tiġi kkontrollata l-legalità tal-atti Komunitarji.

Mingħajr ma bidel il-formulazzjoni tar-referenza għall-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu, innumerat mill-ġdid tat-TKE, it-Trattat ta’ Amsterdam, iffirmat fl-1997, hemeż mat-TKE Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (minn hawn ’il quddiem il-“Protokoll tal-1997”). L-approċċ globali għall-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, preċedentement maqbul fil-Kunsill Ewropew ta’ Edinburgu tal-1992, b’hekk sar ġuridikament vinkolanti u suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju permezz tal-protokoll dwar is-sussidjarjetà.

It-Trattat ta’ Liżbona li jemenda t-TUE u t-TKE, iffirmat fl-2007, daħħal il-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-Artikolu 5(3) tat-TUE u rrevoka d-dispożizzjoni korrispondenti tat-TKE filwaqt li uża l-istess formulazzjoni tagħha. Żied ukoll referenza espliċita għad-dimensjoni reġjonali u lokali tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Liżbona ssostitwixxa l-Protokoll tal-1997 bil-Protokoll Nru 2 il-ġdid, u d-differenza prinċipali tikkonċerna r-rwol il-ġdid tal-parlamenti nazzjonali fl-iżgurar tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà (1.3.5).

B. Definizzjoni

L-għan ġenerali tal-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa li jiġi ggarantit livell ta’ indipendenza lil awtorità subordinata fil-konfront ta’ awtorità ta’ livell ogħla jew lil awtorità lokali fil-konfront tal-gvern ċentrali. Għalhekk, dan jinvolvi l-kondiviżjoni tas-setgħat bejn il-livelli differenti tal-awtorità, prinċipju li jikkostitwixxi l-pedament istituzzjonali tal-Istati federali.

Meta jiġi applikat fil-kuntest tal-UE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà jservi biex jirregola l-eżerċizzju tas-setgħat mhux esklużivi tal-Unjoni. Dan jeskludi l-intervent tal-Unjoni f’każ li kwistjoni tkun tista’ tiġi ttrattata b’mod effikaċi mill-Istati Membri fil-livell ċentrali, reġjonali jew lokali. L-Unjoni għandha l-leġittimità li teżerċita s-setgħat tagħha biss meta l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jilħqu l-objettivi ta’ azzjoni prevista b’mod sodisfaċenti u meta l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tista’ ġġib valur miżjud.

Skont l-Artikolu 5(3) tat-TUE, hemm tliet prekundizzjonijiet għall-intervent tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà: (a) il-qasam ikkonċernat ma jaqax fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (jiġifieri kompetenza mhux esklużiva); (b) l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri (jiġifieri ħtieġa); (c) l-azzjoni tista’ għalhekk titwettaq aħjar, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħha, permezz ta’ intervent mill-Unjoni (jiġifieri valur miżjud).

C. Kamp ta’ applikazzjoni

1. Id-delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għall-oqsma ta’ “kompetenza kondiviża” elenkati fl-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li mhuwiex eżawrjenti. Filwaqt li huma differenti mill-“kompetenza esklużiva” mogħtija lill-Unjoni (l-Artikolu 3) u l-kompetenza li tikkoordina, tappoġġja jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri (l-Artikoli 5 u 6), il-kompetenzi kondiviżi huma oqsma li fihom l-Istati Membri jistgħu jieħdu inizjattiva biss “sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha” (l-Artikolu 2(2) tat-TFUE). Dawn huma kompetenzi li jistgħu jiġu assunti kompletament jew parzjalment mill-Unjoni, u jsiru esklużivi bis-saħħa tal-eżerċizzju tagħhom sakemm l-Unjoni tiddeċiedi li ma tibqax teżerċitahom. B’mod partikolari, dawn l-oqsma jinkludu s-suq intern, il-politika soċjali kif definita fit-Trattat, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u s-sajd (eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar), l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-trasport, in-networks trans-Ewropej, l-enerġija, l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u kwistjonijiet ewlenin ta’ sigurtà tas-saħħa.

2. Fejn japplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jikkonċerna l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u għandu importanza prattika b’mod speċjali fir-rigward tal-proċeduri leġiżlattivi. It-Trattat ta’ Liżbona saħħaħ ir-rwol kemm tal-parlamenti nazzjonali kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jirrigwarda r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan daħħal mhux biss referenza espliċita għad-dimensjoni subnazzjonali tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda saħħaħ ukoll ir-rwol tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u fetaħ il-possibbiltà, li tħalliet għad-diskrezzjoni tal-parlamenti nazzjonali, għall-parlamenti reġjonali li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom setgħat leġiżlattivi li jinvolvu ruħhom fil-mekkaniżmu ta’ “twissija bikrija” ex ante.

D. L-iskrutinju tal-parlamenti nazzjonali

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 12(b) tat-TUE, il-parlamenti nazzjonali jiżguraw ir-rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà skont il-proċedura prevista fil-Protokoll Nru 2. Skont il-mekkaniżmu ta’ “twissija bikrija” ex ante msemmi hawn fuq, kull parlament nazzjonali jew kull kamra ta’ parlament nazzjonali għandhom perjodu ta’ tmien ġimgħat, mid-data li fiha jirċievu abbozz ta’ att leġiżlattiv, biex jindirizzaw lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, permezz ta’ opinjoni motivata bir-raġunijiet li għalihom iqisu li l-abbozz inkwistjoni ma josservax il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Meta opinjonijiet motivati joriġinaw minn tal-anqas terz tal-voti allokati lill-parlamenti nazzjonali (vot wieħed għal kull kamra fil-każ tal-parlamenti bikamerali u żewġ voti fil-każ tal-parlamenti b’kamra waħda), l-abbozz irid jiġi rieżaminat (“karta safra”). L-istituzzjoni li minnha jkun ġej l-abbozz ta’ att leġiżlattiv tista’ tiddeċiedi li jew iżżomm l-abbozz, jew temendah, jew inkella tirtirah, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni li tieħu. Fir-rigward ta’ abbozzi ta’ atti relatati mal-kooperazzjoni tal-pulizija jew il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, dan il-limitu huwa anqas (kwart tal-voti). Meta, fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, minn tal-anqas maġġoranza sempliċi tal-voti allokati lill-parlamenti nazzjonali tikkontesta l-konformità ta’ proposta leġiżlattiva mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-Kummissjoni tiddeċiedi li żżomm il-proposta tagħha, il-kwistjoni tintbagħat lura lil-leġiżlatur (il-Parlament u l-Kunsill), li jagħti d-deċiżjoni tiegħu fl-ewwel qari. Jekk il-leġiżlatur iqis li l-proposta leġiżlattiva mhijiex kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jista’ jirrifjutaha b’maġġoranza ta’ 55% tal-membri tal-Kunsill jew tal-maġġoranza tal-voti li jintefgħu fil-Parlament Ewropew (“karta oranġjo”).

Sal-lum, il-proċedura tal-“karta safra” ġiet skattata tliet darbiet, filwaqt li l-proċedura tal-“karta oranġjo” qatt ma ntużat. F’Mejju 2012, ħarġet l-ewwel “karta safra” fir-rigward tal-proposta Monti II għal regolament dwar id-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fir-rigward tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Kien hemm total ta’ 12-il parlament nazzjonali jew kamra ta’ dawn il-parlamenti minn 40 li qiesu li l-proposta ma kinitx konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà mil-lat tal-kontenut tagħha. Il-Kummissjoni fl-aħħar irtirat il-proposta tagħha, filwaqt li qieset madankollu li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma kienx inkiser. F’Ottubru 2013, inħarġet “karta safra” oħra minn 14-il kamra tal-parlament nazzjonali fi 11-il Stat Membru wara l-preżentazzjoni tal-proposta għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Il-Kummissjoni, wara li analizzat l-opinjonijiet motivati li waslu mingħand il-parlamenti nazzjonali, iddeċidiet li żżomm il-proposta, hekk kif argumentat li kienet konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. F’Mejju 2016, it-tielet “karta safra” inħarġet minn 14-il kamra ta’ 11-il Stat Membru kontra l-proposta ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. Il-Kummissjoni tat raġunijiet dettaljati għaż-żamma tal-proposta tagħha, peress li ma kinitx tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi l-kwistjoni tal-ħaddiema stazzjonati hija, skont it-tifsira tagħha stess, waħda tranżnazzjonali.

Il-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC) isservi bħala pjattaforma utli għall-parlamenti nazzjonali biex jaqsmu l-informazzjoni relatata mal-kontroll tas-sussidjarjetà. Barra minn hekk, in-Network għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà (SMN) miżmum mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-membri tal-SMN jinkludu parlamenti reġjonali u gvernijiet b’setgħat leġiżlattivi, awtoritajiet lokali u reġjonali mingħajr setgħat leġiżlattivi u assoċjazzjonijiet tal-gvern lokali fl-UE. Huwa miftuħ ukoll għad-delegazzjonijiet nazzjonali tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-kmamar tal-parlamenti nazzjonali.

E. L-iżviluppi istituzzjonali reċenti

F’Novembru 2017, il-Kummissjoni waqqfet Task Force dwar is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u li jsir inqas b’mod iktar effiċjenti, li ppreżentat ir-rapport tagħha f’Lulju 2018. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ppubblikat “pakkett tas-sussidjarjetà” f’Ottubru 2018, li jintroduċi tabella għall-valutazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fil-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjonijiet u l-memoranda ta’ spjegazzjoni.

Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kienu ċentrali għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (minn April 2021 sa Mejju 2022), li pproduċiet 49 proposta li fihom 326 miżura relatati ma’ prijoritajiet u sfidi ewlenin għall-Ewropa, inkluża l-kwistjoni tad-demokrazija. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-22 ta’ Novembru 2023 ipproponiet it-tisħiħ tar-rieżami tas-sussidjarjetà mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-estensjoni tal-perjodu ta’ tmien ġimgħat għall-parlamenti nazzjonali għal tnax-il ġimgħa, l-inkorporazzjoni tal-opinjonijiet tal-parlamenti reġjonali fl-opinjonijiet motivati nazzjonali, u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ “karta ħadra” li jippermetti lill-parlamenti nazzjonali jissuġġerixxu inizjattivi leġiżlattivi.

Wara l-Konferenza, il-kunċett ta’ “sussidjarjetà attiva” kiseb prominenza. Il-11-il Konferenza dwar is-Sussidjarjetà fl-2024 iffokat fuq “Regolamentazzjoni aħjar u sussidjarjetà attiva: ċwievet għal UE li tikseb riżultati”. Fir-rapport annwali tagħha tal-2024 (ippubblikat fit-8 ta’ Settembru 2025), il-Kummissjoni affermat mill-ġdid li s-sussidjarjetà attiva u l-involviment sħiħ mal-awtoritajiet lokali u reġjonali jibqgħu prijoritajiet ewlenin għall-mandat 2024-2029.

F. Stħarriġ ġudizzjarju

Ir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jista’ jiġi kkontrollat a posteriori (wara l-adozzjoni tal-att leġiżlattiv), permezz ta’ rikors ġuriżdizzjonali mressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa ddikjarat ukoll fil-protokoll. Mandankollu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Fis-sentenzi tagħha fil-Kawżi C-84/94 u C-233/94, il-Qorti kkonstatat li r-rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà kien waħda mill-kundizzjonijiet koperti mir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għall-atti tal-Unjoni, skont l-Artikolu 296 tat-TFUE. Dan ir-rekwiżit huwa ssodisfat meta jkun ċar li r-rispett tal-prinċipju joħroġ mill-premessi. F’sentenza storika aktar riċenti (Kawża C-547/14, Philip Morris, il-punt 218) fl-2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li għandha tivverifika “jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni setax jikkunsidra, fuq il-bażi ta’ elementi dettaljati, li l-għan tal-azzjoni proposta setax jintlaħaq aħjar fuq livell tal-Unjoni”. Għal dak li jikkonċerna s-salvagwardji proċedurali u, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tas-sussidjarjetà, il-Qorti fakkret li r-rispett ta’ dak l-obbligu “għandu jiġi evalwat mhux biss b’referenza għall-kliem tal-att ikkontestat, iżda wkoll għall-kuntest tiegħu u għaċ-ċirkustanzi tal-każ” (il-punt 225).

Dokument ta’ ħidma tal-Parlament dwar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità ppubblikat fl-2021 sab li “l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ħassret miżura għall-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà” u jissuġġerixxi li “għandha tiġi stabbilita kamra indipendenti tas-sussidjarjetà, magħmula minn presidenti tal-qrati kostituzzjonali nazzjonali, sabiex jingħeleb dan il-preġudizzju politiku u tittejjeb il-kwalità tar-rieżamijiet tal-leġiżlazzjoni”.

L-Istati Membri jistgħu jressqu rikorsi ta’ annullament quddiem il-Qorti kontra att leġiżlattiv għal ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà f’isem il-parlament nazzjonali tagħhom jew kamra tiegħu, skont is-sistema legali tagħhom. L-istess rikorsi jistgħu jsiru mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kontra tali atti leġiżlattivi jekk it-TFUE jiddisponi li dan jeħtieġlu jiġi kkonsultat. Ir-rapport Draghi reċenti argumenta li, minkejja setgħat importanti bħal dawn, dawn l-atturi spiss ma kkontestawx il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni. Ir-rapport huwa favur li ssir inkjesta madwar l-UE kollha li teżamina r-raġunijiet għal tali approċċ min-naħa tal-parlamenti nazzjonali.

F’Awwissu 2024, tressqet l-ewwel azzjoni minn parlament nazzjonali għal ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà skont il-Protokoll Nru 2 kontra r-Regolament (UE) 2024/1351 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni (Kawża C-553/24, imressqa mill-Assemblea Nazzjonali Franċiża). Din l-azzjoni storika, mibdija minn 60 deputat biss minn 577 skont l-Artikolu 88-6 tal-Kostituzzjoni Franċiża, turi li l-kontroll tas-sussidjarjetà sar aċċessibbli għall-minoranzi parlamentari f’ċerti parlamenti nazzjonali, u b’hekk potenzjalment isaħħaħ is-sorveljanza demokratika u l-infurzar tas-sussidjarjetà kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament ta bidu għall-kunċett tas-sussidjarjetà u, fl-14 ta’ Frar 1984, meta kien qed jiġi adottat l-abbozz tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ippropona dispożizzjoni li permezz tagħha kull darba li t-Trattat jattribwixxi lill-Unjoni kompetenza li tikkompeti mal-kompetenzi tal-Istati Membri, l-azzjoni tal-Istati Membri tiġi eżerċitata sakemm l-Unjoni ma tkunx adottat xi att leġiżlattiv. Barra minn hekk, il-proposta tinsisti fuq il-fatt li l-Unjoni għandha tintervjeni biss biex tassumi kompiti li jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod konġunt milli kieku jsiru mill-Istati individwali li jaġixxu b’mod separat.

Il-Parlament tenna dawn il-proposti f’bosta riżoluzzjonijiet (pereżempju r-riżoluzzjonijiet tat-23 ta’ Novembru 1989, tal-14 ta’ Diċembru 1989, tat-12 ta’ Lulju 1990, tal-21 ta’ Novembru 1990 u tat-18 ta’ Mejju 1995), li fihom fakkar fl-impenn tiegħu favur il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

A. Ftehimiet interistituzzjonali

Il-Parlament adotta għadd ta’ miżuri biex jaqdi r-rwol tiegħu skont it-Trattati fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Skont l-Artikolu 43 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu “waqt l-eżami ta’ proposta għal att leġiżlattiv, il-Parlament għandu jagħti attenzjoni partikulari jekk dik il-proposta tosservax il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.” Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali huwa l-kumitat parlamentari b’responsabbiltà orizzontali għall-monitoraġġ tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. F’dan ir-rigward, huwa regolarment iħejji rapport dwar ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

Fil-25 ta’ Ottubru 1993, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni ffirmaw ftehim interistituzzjonali dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà li wera b’mod ċar ir-rieda tat-tliet istituzzjonijiet li jimxu ’l quddiem b’mod deċiż f’dan il-qasam. B’dan il-mod huma ntrabtu li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan il-ftehim, permezz ta’ proċeduri li jirregolaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiddefinixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju tal-kompetenzi li t-Trattati jagħtu lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni b’tali mod li l-objettivi previsti minnhom ikunu jistgħu jintlaħqu. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tqis il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u li turi li dan ġie osservat. L-istess jgħodd għall-Parlament u għall-Kunsill fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilhom.

Skont il-ftehim interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (li jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Diċembru 2003 u l-Approċċ Interistituzzjonali Komuni għal Valutazzjonijiet tal-Impatt ta’ Novembru 2005), il-Kummissjoni jeħtiġilha tiġġustifika fin-nota spjegattiva tagħha l-miżuri proposti fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tqis dan il-prinċipju fl-analiżijiet tagħha tal-impatt. Barra minn hekk, meta kkonkludew il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ Novembru 2010, il-Parlament u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom li jikkooperaw mal-parlamenti nazzjonali biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju minn dawk il-parlamenti tas-setgħa tagħhom ta’ kontroll tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

B. Ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Mejju 1997, il-Parlament kien diġà għamel ċar li fl-opinjoni tiegħu l-prinċipju tas-sussidjarjetà kien prinċipju ġuridiku vinkolanti, iżda fakkar li l-implimentazzjoni tiegħu m’għandhiex tkun ta’ ostaklu għall-eżerċizzju tal-kompetenzi esklużivi tal-UE, u lanqas m’għandha tintuża bħala pretest biex l-acquis communautaire (issa l-acquis tal-UE) jiġi ddubitat. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ April 2003, il-Parlament żied jgħid li s-soluzzjoni tat-tilwim preferibbilment kellha tinstab fil-livell politiku, filwaqt li ħa nota tal-proposti magħmula fil-Konvenzjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa fir-rigward tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ “twissija bikrija” tal-parlamenti nazzjonali fil-qasam tas-sussidjarjetà. Dan il-mekkaniżmu effettivament kien inkorporat fit-Trattat ta’ Liżbona (ara hawn fuq u 1.3.5).

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2012, il-Parlament laqa’ l-involviment aktar mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali fil-kontroll tal-proposti leġiżlattivi fid-dawl tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u ssuġerixxa li għandu jiġi investigat kwalunkwe mezz biex jitneħħew l-ostakli li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018, il-Parlament ħa nota taż-żieda qawwija fin-numru ta’ opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali, li juri involviment jikber min-naħa tagħhom fil-proċess deċiżjonali tal-Unjoni. Laqa’ wkoll l-interess tal-parlamenti nazzjonali fl-adozzjoni ta’ rwol aktar proattiv permezz tal-użu ta’ proċedura tal-“karta ħadra”. F’dan ir-rigward, irrakkomanda li jsir użu sħiħ mill-għodod eżistenti li jippermettu lill-parlamenti nazzjonali jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv mingħajr ma jinħolqu strutturi istituzzjonali u amministrattivi ġodda.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Frar 2019, il-Parlament enfasizza r-rwol fundamentali tal-awtoritajiet lokali u, b’mod partikolari, tal-parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi. Ħa nota wkoll tar-rakkomandazzjonijiet tat-“Task Force dwar is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u li jsir inqas b’mod iktar effiċjenti” iżda indika li ħafna minnhom, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali u l-ħtieġa li tiġi riformata s-sistema ta’ twissija bikrija, kienu diġà ġew enfasizzati mill-Parlament.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2021, il-Parlament indika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw u jużaw madwar 70% tal-leġiżlazzjoni tal-UE u stieden lill-Kummissjoni biex tinvolvihom aħjar fil-proċessi ta’ konsultazzjoni tagħha, u biex tintegra “mudell ta’ grilja” biex tivvaluta l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità matul il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Parlament enfasizza wkoll li l-istruttura attwali tal-proċedura għall-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà twassal biex il-parlamenti nazzjonali jiddedikaw ammonti eċċessivi ta’ ħin għal valutazzjonijiet tekniċi u ġuridiċi bi skadenzi qosra, u dan jikkomplika l-għan li ssir diskussjoni politika aktar profonda dwar il-politika Ewropea.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2023, il-Parlament innota ż-żieda sinifikanti fl-opinjonijiet motivati mill-parlamenti nazzjonali (minn 9 fl-2020 għal 34 fl-2022) filwaqt li afferma mill-ġdid li l-ebda “karta oranġjo” qatt ma ntużat mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona. Appella għal involviment aktar bikri tal-parlamenti nazzjonali fil-proċedura leġiżlattiva u għal spjegazzjonijiet aktar dettaljati tal-Kummissjoni biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet sodi tas-sussidjarjetà. Il-Parlament ħeġġeġ ukoll lill-Kunsill iżid it-trasparenza billi jippubblika aktar dokumenti, b’mod partikolari l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri, u b’hekk isaħħaħ l-iskrutinju parlamentari.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2024, il-Parlament irrikonoxxa t-talba tal-parlamenti nazzjonali biex jiġi estiż il-perjodu ta’ tmien ġimgħat għall-ħruġ ta’ opinjonijiet motivati u appella għall-introduzzjoni ta’ perjodu ta’ tnax-il ġimgħa fil-qafas tar-reviżjoni li jmiss tat-Trattat. Il-Parlament issuġġerixxa wkoll li tiġi stabbilita proċedura ta’ “karta ħadra” li permezz tagħha mill-inqas terz tal-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jitolbu li l-Kummissjoni jew il-Parlament jippreżentaw proposti leġiżlattivi, u b’hekk jinfluwenzaw b’mod pożittiv id-dibattitu Ewropew.

 

Christophe BEAUDOUIN / JAGODA KAROLINA MACIEJEWSKA / Mariusz Maciejewski