Il-Parlament Ewropew: l-isfond storiku

Il-Parlament Ewropew oriġina mill-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), li saret l-assemblea komuni tat-tliet komunitajiet Ewropej sovranazzjonali li kienu jeżistu dak iż-żmien. Sussegwentement l-assemblea ħadet l-isem “Parlament Ewropew”. Maż-żmien, l-istituzzjoni, li l-membri tagħha ġew eletti direttament mill-1979, għaddiet minn bidliet profondi, fejn evolviet minn assemblea b’membri maħtura għal parlament elett li huwa rikonoxxut bħala entità li tfassal l-aġenda politika tal-Unjoni Ewropea.

Il-bażi legali

  • It-Trattati oriġinali (1.1.1, 1.1.2, 1.1.3, 1.1.4, 1.1.5);
  • Id-Deċiżjoni u l-Att dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Assemblea b’vot universali dirett (l-20 ta’ Settembru 1976), kif emendati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju u t-23 ta’ Settembru 2002.
  • L-Artikoli 14(2) u 17(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

Tliet komunitajiet, assemblea waħda

Wara t-twaqqif tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Assemblea Komuni tal-KEFA ġiet estiża biex tkopri t-tliet komunitajiet. B’142 Membru, l-Assemblea l-ġdida ltaqgħet għall-ewwel darba fi Strażburgu fid-19 ta’ Marzu 1958 bħala “L-Assemblea Parlamentari Ewropea”, u biddlet isimha għal “Parlament Ewropew” fit-30 ta’ Marzu 1962.

Minn assemblea magħżula għal parlament elett

Qabel l-introduzzjoni tal-elezzjonijiet diretti, il-Membri tal-Parlament Ewropew (PE) kienu jinħatru minn kull wieħed mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri. B’hekk, il-Membri tal-PE kollha kellhom mandat doppju.

Fis-summit li sar f’Pariġi fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 1974 ġie deċiż li “fl-1978 jew wara, kellhom isiru” elezzjonijiet diretti u l-Parlament intalab iressaq proposti ġodda li kellhom jissostitwixxu l-abbozz ta’ konvenzjoni oriġinali tal-1960. F’Jannar 1975 il-Parlament adotta abbozz ta’ konvenzjoni ġdid, li abbażi tiegħu, wara li rranġaw għadd ta’ differenzi, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern laħqu ftehim fil-laqgħa tagħhom tat-12 u t-13 ta’ Lulju 1976.

Id-Deċiżjoni u l-Att dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Assemblea b’vot universali dirett ġew iffirmati fi Brussell fl-20 ta’ Settembru 1976. Wara r-ratifika min-naħa tal-Istati Membri kollha, l-att daħal fis-seħħ f’Lulju 1978, u l-ewwel elezzjonijiet saru fis-7 u l-10 ta’ Ġunju 1979.

It-tkabbir

Meta d-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit issieħbu mal-Komunitajiet Ewropej fl-1 ta’ Jannar 1973 (l-ewwel tkabbir), l-għadd ta’ Membri tal-PE żdied b’198.

Fl-okkażjoni tat-tieni tkabbir, bl-adeżjoni tal-Greċja fl-1 ta’ Jannar 1981, il-Parlament Grieg ħatar 24 Membru tal-PE, u dawn ġew sostitwiti f’Ottubru 1981 minn Membri tal-PE eletti direttament. It-tieni elezzjonijiet diretti saru fl-14 u s-17 ta’ Ġunju 1984.

Fl-1 ta’ Jannar 1986, mat-tielet tkabbir, l-għadd ta’ siġġijiet żdied minn 434 għal 518 mal-wasla ta’ 60 Membru tal-PE Spanjol u 24 Membru tal-PE Portugiż, maħtura mill-parlamenti nazzjonali u sostitwiti sussegwentement minn Membri tal-PE eletti direttament.

Wara l-unifikazzjoni tal-Ġermanja, il-kompożizzjoni tal-Parlament ġiet adattata biex tirrifletti t-tibdil demografiku. F’konformità mal-proposti magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Ġunju 1992 dwar “proċedura elettorali uniformi: skema għall-allokazzjoni tas-siġġijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew”, l-għadd ta’ Membri tal-PE eletti f’Ġunju 1994 żdied minn 518 għal 567. Wara r-raba’ tkabbir tal-UE, l-għadd ta’ Membri tal-PE żdied għal 626, b’allokazzjoni ġusta ta’ siġġijiet għall-Istati Membri l-ġodda, b’konformità mar-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq.

Il-Konferenza Intergovernattiva, li ltaqgħet matul is-sena 2000 f’Nizza (Franza), introduċiet distribuzzjoni ġdida tas-siġġijiet fil-Parlament li ġiet applikata fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2004. L-għadd massimu ta’ Membri tal-PE (li qabel kien 700) żdied għal 732. L-għadd ta’ siġġijiet allokati għall-15-il Stat Membru eżistenti tnaqqas b’91 (minn 626 għal 535). Il-197 siġġu li kien għad baqa’ tqassmu fost l-Istati Membri kollha ġodda u eżistenti fuq bażi pro rata.

Bl-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-1 ta’ Jannar 2007, l-għadd ta’ siġġijiet fil-Parlament żdied temporanjament għal 785 sabiex jilqa’ fih Membri tal-PE minn dawk il-pajjiżi. Wara l-elezzjonijiet tal-2009, li saru bejn l-4 u s-7 ta’ Ġunju, l-għadd ta’ siġġijiet tnaqqas għal 736. Peress li t-Trattat ta’ Liżbona skont l-Artikolu 14(2) tat-TUE kien stabbilixxa għadd massimu ta’ 751 Membru tal-PE, li kellu jiżdied temporanjament għal 754 sal-elezzjonijiet ta’ wara, 18-il Membru tal-PE żdiedu mas-736 eletti f’Ġunju 2009 matul il-leġiżlatura 2009-2014, wara r-ratifika ta’ protokoll emendatorju adottat waqt il-Konferenza Intergovernattiva tat-23 ta’ Ġunju 2010 min-naħa tal-Istati Membri. Bl-adeżjoni tal-Kroazja fl-1 ta’ Lulju 2013, l-għadd massimu ta’ siġġijiet żdied temporanjament għal 766, sabiex jintlaqgħu t-12-il Membru tal-PE Kroat li ġew eletti f’April 2013 (f’konformità mal-Artikolu 19 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja).

Għall-elezzjonijiet tal-2014, it-total ta’ siġġijiet reġa’ tnaqqas għal 751. Id-distribuzzjoni tas-siġġijiet imbagħad reġgħet ġiet riveduta (b’705 Membri tal-PE) fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020 (1.3.3). B’riflessjoni tal-bidliet demografiċi fl-Istati Membri mill-elezzjonijiet tal-2019, ġew allokati 11-il siġġu addizzjonali skont proposta mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2023, skont l-Artikolu 14(2) tat-TUE. Bid-deċiżjoni finali tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill Ewropew kompla jżid dan b’erba’ siġġijiet oħra, u stabbilixxa l-għadd totali ta’ Membri tal-PE li għandhom jiġu eletti għal-leġiżlatura 2024-2029 għal 720.

Żieda gradwali fis-setgħat

Ir-riżorsi proprji tal-Komunità ħadu post il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri (1.4.1), u dan wassal għall-ewwel estensjoni tas-setgħat baġitarji tal-Parlament skont it-Trattat tal-Lussemburgu, li ġie ffirmat fit-22 ta’ April 1970. It-tieni trattat dwar l-istess suġġett, li saħħaħ is-setgħat tal-Parlament, ġie ffirmat fi Brussell fit-22 ta’ Lulju 1975 (1.1.2).

L-Att Uniku Ewropew tas-17 ta’ Frar 1986 saħħaħ ir-rwol tal-Parlament f’ċerti oqsma leġiżlattivi (il-proċedura ta’ kooperazzjoni), u għamel it-trattati ta’ adeżjoni u ta’ assoċjazzjoni soġġetti għall-kunsens tiegħu.

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropeatas-7 ta’ Frar 1992, bl-istabbiliment tal-Unjoni Ewropea (UE) u bl-introduzzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni u bl-estensjoni tal-proċedura ta’ kooperazzjoni għal oqsma oħra, immarka l-bidu tat-trasformazzjoni tal-Parlament fir-rwol ta’ koleġiżlatur. Il-Parlament ingħata s-setgħa tal-approvazzjoni finali rigward il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni: dan kien pass importanti ’l quddiem fir-rigward tal-kontroll politiku tal-Parlament fuq l-eżekuttiv tal-UE (1.1.3).

It-Trattat ta’ Amsterdam tat-2 ta’ Ottubru 1997 estenda l-proċedura ta’ kodeċiżjoni għall-biċċa l-kbira tal-oqsma tal-leġiżlazzjoni u rriformaha, u wassal biex il-Parlament sar koleġiżlatur fuq l-istess livell mal-Kunsill. Il-ħatra tal-President tal-Kummissjoni saret soġġetta għall-approvazzjoni tal-Parlament, u b’hekk żdiedu s-setgħat ta’ kontroll tal-Parlament fuq l-eżekuttiv. It-Trattat ta’ Nizza kompla jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni.

It-Trattat ta’ Nizza, li emenda t-TUE, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej (TKE) u ċerti atti relatati, ġie ffirmat fis-26 ta’ Frar 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2003. It-trattat il-ġdid kellu l-għan li jirriforma l-istruttura istituzzjonali tal-UE b’tali mod li tkun tiflaħ għall-isfidi ta’ kwalunkwe tkabbir fil-futur. Is-setgħat leġiżlattivi u superviżorji tal-Parlament żdiedu u l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata ġiet estiża għal oqsma oħra fil-Kunsill (1.1.4).

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (1.1.5) tat-13 ta’ Diċembru 2007 stabbilixxa estensjoni oħra importanti, kemm tal-applikazzjoni tal-maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill (bl-użu ta’ metodu ġdid mill-1 ta’ Novembru 2014 – l-Artikolu 16 tat-TUE) kif ukoll tal-applikazzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni (li issa ġiet estiża għal madwar 45 qasam leġiżlattiv ġdid). Din l-hekk imsejħa “proċedura leġiżlattiva ordinarja” saret l-aktar proċedura deċiżjonali użata, u tkopri l-oqsma ta’ politika importanti kollha tat-TFUE (l-Artikolu 294 – l-eks Artikolu 250 tat-TKE). Ir-rwol tal-Parlament fit-tħejjija ta’ emendi futuri fit-trattati sar ukoll aktar sinifikanti (l-Artikolu 48 tat-TUE). Barra minn hekk, bħala parti mit-Trattat ta’ Liżbona (u, għall-ewwel, bħala parti mill-abbozz ta’ trattat bla suċċess li kellu jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ġiet iffirmata mill-Presidenti tal-Parlament, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fil-Kunsill Ewropew f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000, saret legalment vinkolanti (4.1.2).

Bl-elezzjonijiet Ewropej ta’ bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju 2019, ħareġ ċar li l-Parlament kien għamel użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tat-TUE, li jgħid li “l-Parlament Ewropew għandu, flimkien mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji. Huwa għandu jeżerċita funzjonijiet ta’ kontroll politiku… Għandu jeleġġi l-President tal-Kummissjoni”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17(7) tat-TUE, il-membri l-oħra tal-Kummissjoni huma soġġetti bħala korp għal vot ta’ approvazzjoni mill-Parlament Ewropew.

Riċerka reċenti dwar il-kontribut tal-Parlament għat-tkabbir tindika li l-leġiżlazzjoni li jħejji tikkontribwixxi b’aktar minn triljun euro kull sena għall-PDG tal-UE, billi ssaħħaħ id-drittijiet tar-residenti u n-negozji tal-UE[1]. Kontribut sinifikanti ieħor jingħata mill-baġit tal-UE (1.4.3)[2]. Il-leġiżlazzjoni bbażata fuq l-evidenza u l-għarfien espert hija appoġġjata minn studji u sessjonijiet ta’ ħidma mwassla minn ħames dipartimenti tematiċi li jipprovdu għarfien espert, analiżi u pariri ta’ politika indipendenti u ta’ livell għoli fuq talba tal-kumitati, tad-delegazzjonijiet, tal-President, tal-Bureau u tas-Segretarju Ġenerali.

Mill-elezzjonijiet tal-2014 ’l hawn, il-partiti politiċi Ewropej (1.3.3) ippreżentaw kandidati ewlenin għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni, bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet Ewropej.

Wara l-iffirmar, fl-24 ta’ Jannar 2020, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Parlament approva d-deċiżjoni tal-Kunsill li jikkonkludi l-ftehim dwar il-ħruġ (l-Artikolu 50(2) tat-TUE). Il-votazzjoni fid-29 ta’ Jannar 2020, b’621 vot favur u 49 vot kontra, kienet ukoll l-aħħar seduta għall-Membri tal-PE tar-Renju Unit fil-Parlament, hekk kif il-ħruġ daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

Fit-28 ta’ April 2021, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu (l-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE) għall-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra.

L-aktar elezzjonijiet reċenti għall-Parlament Ewropew (l-10 leġiżlatura) saru bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024.

Din l-iskeda informattiva tħejjiet mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali.

 

[1]Maciejewski M., “Contribution to Growth: Delivering economic benefits for citizens and businesses” (Kontribut għat-Tkabbir: Għoti ta’ benefiċċji ekonomiċi għaċ-ċittadini u n-negozji), Pubblikazzjoni għall-Kumitat tas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, Dipartiment Tematiku għall-Politika Ekonomika, Xjentifika u tal-Kwalità tal-Ħajja, Parlament Ewropew, il-Lussemburgu, 2019.
[2]Stehrer R. et al., “How EU funds tackle economic divide in the European Union (Kif il-fondi tal-UE jindirizzaw id-distakk ekonomiku fl-Unjoni Ewropea), Pubblikazzjoni għall-Kumitat għall-Baġits, Dipartiment Tematiku għall-Affarijiet Baġitarji, Parlament Ewropew, il-Lussemburgu, 2020.

Mariusz Maciejewski