Assistenza finanzjarja

Is-servizz ta' interpretazzjoni tal-Parlament Ewropew jista' jipprovdi assistenza finanzjarja fil-forma ta' għotjiet għal azzjonijiet relatati mat-taħriġ għall-interpreti tal-konferenzi. L-għan tal-programm ta' għotjiet hu li jgħin fl-edukazzjoni ta' ġenerazzjonijiet ġodda ta' interpreti tal-konferenzi kkwalifikati, b'mod li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti għal xi lingwi, li ssir preparazzjoni għall-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati fil-ġejjieni, u li jinżamm standard għoli ta' interpretazzjoni fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-lingwi tal-imsieħba politiċi ewlenin tagħha.

Min jista' japplika?

  • Istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, universitajiet, istituti universitarji, konsorzji u assoċjazzjonijiet ta' universitajiet jew istituti li joffru jew jikkoordinaw korsijiet ta' masters jew korsijiet postgradwatorji li jispeċjalizzaw fl-interpretazzjoni tal-konferenzi (korsijiet ta' baċellerat, masters jew korsijiet postgradwatorji oħra fl-Ukrajna).
  • L-assoċjazzjonijiet, il-konsorzji u l-korpi li l-missjoni ewlenija tagħhom hi s-sostenn għall-kooperazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattiki fil-qasam tat-taħriġ għall-interpreti tal-konferenzi madwar id-dinja.

X'jista' jiġi ffinanzjat?

  • L-azzjonijiet relatati mal-organizzazzjoni ta' korsijiet Master jew postlawrija ta' kwalità għolja fl-interpretazzjoni tal-konferenzi.
  • Il-proġetti mmirati lejn is-sostenn tat-taħriġ għall-interpreti (eż. tagħlim virtwali/għodod għat-tagħlim elettroniku, tixrid tal-aħjar prattiki, żgurar tal-kwalità, taħriġ għal min iħarreġ, mobilità tal-istudenti, mobilità tal-għalliema, eċċ.)
  • Azzjonijiet relatati mal-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' baċellerat, masters jew korsijiet postgradwatorji oħra fl-interpretazzjoni għall-konferenzi (rilevanza għall-ħtiġijiet ta' prijorità għal-lingwa Ukrena fil-Parlament Ewropew u fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE li għalihom jiġu provduti servizzi ta' interpretazzjoni).

Kif tista' tapplika?

Darba fis-sena titnieda sejħa għal proposti, normalment fl-ewwel tliet xhur tas-sena, li jkun fiha dettalji dwar il-kundizzjonijiet, il-kriterji għall-għażla tal-għotjiet u l-kalendarju għall-proċedura ta' għażla u ta' aġġudikazzjoni.

L-informazzjoni kollha meħtieġa dwar kif tapplika hija disponibbli fuq il-paġna web tal-Kuntratti u l-Għotjiet tal-Parlament Ewropew.

L-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi b'mod elettroniku biss permezz tas-Sistema ta' Sottomissjoni Elettronika tal-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti (aċċessibbli wkoll permezz tal-paġna web tal-Kuntratti u l-Għotjiet) tal-Parlament Ewropew. Sottomissjonijiet stampati MHUMIEX aċċettati.

Tista' wkoll tikkonsulta l-lista ta' proġetti ffinanzjati b'segwitu għas-sejħa għal proposti preċedenti.

Programmi ta’ ħidma 2026

Id-Direttorat Ġenerali għal-Loġistika u l-Interpretazzjoni għall-Konferenzi tal-Parlament Ewropew adotta l-Programm ta' Ħidma dwar l-appoġġ finanzjarju għat-taħriġ fl-interpretazzjoni tal-konferenzi. Il-programm ta' ħidma jkopri s-sena akkademika 2026-2027.

Is-sejħa għal proposti għall-organizzazzjoni ta' korsijiet postgradwatorji u proġetti mmirati biex jappoġġjaw it-taħriġ tal-interpreti hija ppubblikata fuq il-paġna web tal-Kuntratti u l-Għotjiet tal-Parlament Ewropew.