Il-proċedura baġitarja
Din l-iskeda informattiva tispjega x’inhu l-baġit tal-UE u l-għanijiet tal-proċedura baġitarja, il-bażi legali tal-proċedura baġitarja, l-istadji ewlenin tal-proċedura baġitarja, l-evoluzzjoni tal-proċedura baġitarja tal-UE mis-snin sebgħin, ir-rwol tal-Parlament fit-tfassil tal-baġit, u l-oqfsa strutturati u l-koordinazzjoni involuti fil-ġestjoni tal-baġit tal-UE.
Il-bażi legali
Il-proċedura baġitarja hija bbażata fuq trattati, regolamenti u ftehimiet ewlenin tal-UE li jiddefinixxu kif il-baġit jitħejja, jiġi adottat u ġestit biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-kooperazzjoni u l-governanza finanzjarja tajba.
- L-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-proċess għall-adozzjoni tal-baġit annwali tal-UE, filwaqt li jiddefinixxi r-rwoli u l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill.
- L-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika jiddikjara li r-regoli baġitarji tal-UE japplikaw ukoll għall-Euratom.
- L-Artikoli 39 sa 55 tar-Regolament Finanzjarju jistabbilixxu l-proċedura għat-tfassil tal-abbozz ta’ baġit u kif inhu strutturat il-baġit.
- Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni u l-ġestjoni finanzjarja tajba jipprovdi qafas għall-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill biex jaħdmu flimkien b’mod effettiv, filwaqt li jiżguraw ġestjoni baġitarja trasparenti u responsabbli.
X’inhi l-proċedura baġitarja tal-UE?
Il-baġit tal-UE huwa l-pjan finanzjarju annwali tal-Unjoni Ewropea. Dan jiffinanzja politiki u programmi li huma ta’ benefiċċju għan-nies, għar-reġjuni u għas-setturi madwar l-UE – mir-riċerka u l-azzjoni klimatika sal-agrikoltura, l-edukazzjoni u l-għajnuna esterna. Għalkemm relattivament żgħir meta mqabbel mal-baġits nazzjonali, il-baġit tal-UE għandu firxa wiesgħa u jrid jiġi ġestit b’attenzjoni, trasparenza u responsabbiltà. Il-baġits annwali huma parti minn pjanijiet finanzjarji fit-tul imsejħa oqfsa finanzjarji pluriennali li jiddeskrivu l-prijoritajiet tal-baġit tal-UE u l-limiti tal-infiq fuq diversi snin.
Il-proċedura baġitarja tal-UE hija l-proċess strutturat li permezz tiegħu l-baġit annwali tal-UE jiġi propost, innegozjat u adottat. Il-Kummissjoni tabbozza l-proposta tal-baġit inizjali; il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jeżaminawh u jemendawh, u flimkien jadottaw il-verżjoni finali.
Il-proċedura tgħin biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jintefqu b’mod effiċjenti u responsabbli u jirriflettu l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-UE. Il-proċedura baġitarja, billi ssegwi proċess trasparenti u kooperattiv, hija kruċjali biex tinżamm il-fiduċja fil-mod kif ir-riżorsi tal-UE jiġu ġestiti u minfuqa.
L-objettivi
Il-proċedura baġitarja tal-UE għandha żewġ għanijiet ewlenin:
- li tiddeċiedi kemm tista’ tonfoq flus l-UE kull sena,
- li talloka dawk il-flus f’politiki u programmi differenti.
Il-proċedura tinkludi t-tħejjija, in-negozjar u l-adozzjoni tal-baġit annwali tal-UE.
Ladarba l-proċedura baġitarja tkun tlestiet u l-baġit annwali jkun ġie adottat, il-baġit jiġi implimentat fis-sena baġitarja rilevanti: il-flus jiġu allokati għal skopijiet speċifiċi (impenjati) u jsiru l-pagamenti effettivi.
Imbagħad, ladarba s-sena baġitarja tkun intemmet, l-infiq tal-UE jiġi eżaminat bir-reqqa fil-proċedura annwali ta’ kwittanza, fejn il-Parlament jiddeċiedi jekk il-fondi għas-sena preċedenti ntużawx kif suppost u japprova l-kontijiet finali.
Għal aktar informazzjoni, ara l-iskedi informattivi dwar:
- L-implimentazzjoni tal-baġit
- L-infiq tal-UE
- Il-kontroll baġitarju(il-proċedura annwali ta’ kwittanza)
Kif taħdem il-proċedura baġitarja?
Il-baġit annwali tal-UE jiġi propost mill-Kummissjoni u adottat b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill skont skeda miftiehma. Il-Parlament u l-Kunsill flimkien jifformaw l-“l-awtorità baġitarja”.
L-Artikolu 314 tat-TFUE jistabbilixxi l-istadji u l-iskadenzi massimi applikabbli matul il-proċedura baġitarja. Madankollu, qabel ma tibda l-proċedura kull sena, l-istituzzjonijiet jaqblu dwar skeda li għandha tiġi segwita fil-prattika. Il-proċedura tikkonsisti f’sensiela ta’ stadji.
1. Il-Kummissjoni tipproponi abbozz ta’ baġit.
Il-Parlament u l-Kummissjoni jibdew billi jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-infiq tagħhom għas-sena li jkun imiss. Il-Kummissjoni mbagħad toħloq abbozz ta’ baġit u tibagħtu lill-Parlament u lill-Kunsill. Filwaqt li huwa uffiċjalment dovut li jitressaq sal-1 ta’ Settembru, fil-prattika l-abbozz normalment ikun lest qabel, sal-aħħar ta’ Mejju jew sal-bidu ta’ Ġunju.
Il-Kummissjoni tista’ taġġorna l-abbozz ta’ baġit aktar tard jekk ikun hemm żviluppi ġodda, iżda dawn il-bidliet iridu jsiru qabel l-Istadju 4 ta’ hawn taħt. Fil-prattika, il-Kummissjoni tagħmel dan kull sena, normalment fil-bidu ta’ Ottubru, f’dik li hija magħrufa bħala “Ittra Emendatorja”.
2. Il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu.
Il-Kunsill jirrevedi l-abbozz ta’ baġit u jibgħat il-pożizzjoni tiegħu lill-Parlament. Fil-prattika, il-Kunsill dejjem jissuġġerixxi bidliet għall-abbozz ta’ baġit. Il-Kunsill huwa meħtieġ jispjega b’mod ċar lill-Parlament ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tiegħu.
Filwaqt li huwa uffiċjalment dovut li jitressaq sal-1 ta’ Ottubru, il-Kunsill tipikament jibgħat il-pożizzjoni tiegħu lill-Parlament aktar kmieni, sal-aħħar ta’ Lulju.
3. It-tweġiba tal-Parlament
Il-Parlament għandu 42 jum biex iwieġeb. Huwa jista’:
- japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill,
- jirrifjuta li jieħu deċiżjoni, u f’dak il-każ il-baġit jitqies adottat,
- jissuġġerixxi bidliet fil-forma ta’ emendi.
Jekk il-Parlament jissuġġerixxi bidliet, li fil-prattika dejjem jagħmel, l-abbozz emendat imur lura għand il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-President tal-Parlament, bi ftehim mal-President tal-Kunsill, jeħtieġlu mbagħad isejjaħ minnufih laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.
Jekk il-Kunsill jaċċetta l-bidliet tal-Parlament fi żmien 10 ijiem, il-baġit jiġi adottat.
4. Jekk il-Kunsill u l-Parlament ma jaqblux: Kumitat ta’ Konċiljazzjoni
Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni huwa magħmul minn 27 rappreżentant kull wieħed mill-Kunsill u mill-Parlament. Ladarba jitlaqqa’ l-kumitat, ikollu 21 jum biex jasal għal kompromess.
Il-kompromess irid ikun appoġġat minn maġġoranza kwalifikata tar-rappreżentanti tal-Kunsill u maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Parlament.
Il-Kummissjoni tipparteċipa wkoll, u tgħin biex tingħeleb kwalunkwe differenza bejn il-Parlament u l-Kunsill.
a. Eżiti standard
Fil-prattika, ladarba jitlaqqa’ l-kumitat, ikun hemm żewġ eżiti standard:
Ftehim: Ir-rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill jaqblu dwar kompromess fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. Iż-żewġ istituzzjonijiet imbagħad ikollhom 14-il jum biex japprovaw formalment it-test konġunt tal-baġit ta’ kompromess.
Nuqqas ta’ qbil: Jekk ma jintlaħaq l-ebda kompromess fi żmien 21 jum, il-Kummissjoni trid tipproponi abbozz ta’ baġit ġdid u l-proċess jerġa’ jibda mill-ewwel stadju.
Mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona, kien hemm erba’ darbiet meta l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni ma laħaqx ftehim (dwar il-baġit tal-2011, tal-2013, tal-2015 u tal-2019). Kull darba, l-abbozz ta’ baġit il-ġdid mill-Kummissjoni, li kien jinkludi kwalunkwe qasam li dwaru kien ntlaħaq ftehim mill-ewwel, ġie finalment adottat.
b. Eżiti oħra possibbli
Eżiti oħra huma teoretikament possibbli skont it-TFUE, iżda ma jseħħux fil-prattika. Notevolment:
- Jekk il-Parlament jirrifjuta l-kompromess, il-Kummissjoni jkun jeħtiġilha tipproponi abbozz ta’ baġit ġdid, tkun xi tkun il-pożizzjoni tal-Kunsill. Fil-prattika, qatt ma kien hemm sitwazzjoni li fiha r-rappreżentanti tal-Parlament qablu dwar test ta’ kompromess biex imbagħad il-Parlament kollu kemm hu rrifjuta l-ftehim.
- Jekk il-Parlament japprova l-kompromess iżda l-Kunsill jirrifjutah:
- Jekk il-Parlament jivvota biex jikkonferma mill-ġdid xi wħud mill-pożizzjonijiet inizjali tiegħu jew kollha kemm huma u jilħaq il-maġġoranza meħtieġa, dawn l-emendi jiġu inklużi fit-test konġunt, li mbagħad jitqies adottat. Filwaqt li teoritikament huwa possibbli, fil-prattika qatt ma kien hemm sitwazzjoni li fiha r-rappreżentanti tal-Kunsill qablu dwar test ta’ kompromess biex imbagħad il-Kunsill kollu kemm hu rrifjuta l-ftehim. Fi kwalunkwe każ, ma jkunx fl-interess tal-Kunsill li jirrifjuta b’mod attiv il-kompromess filwaqt li l-Parlament japprovah, peress li dan jagħti lill-Parlament l-opportunità li jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu stess.
- Jekk sal-bidu tas-sena finanzjarja ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim, it-TFUE jgħid li tista’ tiġi applikata sistema temporanja, imsejħa d-“dodiċeżmu proviżorju”, sakemm jintlaħaq ftehim. Is-sistema tad-dodiċeżmu proviżorju ntużat erba’ darbiet: fl-1980, fl-1985, fl-1986 u fl-1988.
- Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-Kunsill jista’ jippermetti nfiq lil hinn mil-limitu ta’ wieħed minn kull tnax, kif speċifikat fl-Artikolu 315 tat-TFUE u dettaljat fl-Artikolu 16 tar-Regolament Finanzjarju. F’każijiet bħal dawn:
5. Il-baġit jiġi adottat
Ladarba l-Parlament u l-Kunsill ikunu qablu li japprovaw l-abbozz ta’ baġit jew il-baġit ta’ kompromess, il-President tal-Parlament jiddikjara li l-baġit ikun ġie adottat b’mod definittiv.
6. Abbozzi ta’ baġits emendatorji
F’każijiet ta’ ċirkostanzi inevitabbli, eċċezzjonali jew mhux previsti (kif deskritt fl-Artikolu 44 tar-Regolament Finanzjarju), il-Kummissjoni tista’ tipproponi abbozzi ta’ baġits emendatorji. Dawn il-proposti għandhom l-għan li jimmodifikaw il-baġit adottat biex jindirizzaw ħtiġijiet u żviluppi ġodda.
Il-baġits emendatorji jsegwu l-istess regoli bħall-baġit ġenerali għall-approvazzjoni u l-implimentazzjoni, għalkemm il-baġits emendatorji jiġu adottati mingħajr bidliet fi kważi l-każijiet kollha. Fl-2024 ġew adottati ħames baġits emendatorji.
Il-proċess ta’ approvazzjoni tat-test konġunt tal-konċiljazzjoni
| Pożizzjonijiet dwar it-test konġunt | Il-Parlament | Il-Kunsill | L-eżitu |
|---|---|---|---|
| + = adottat − = irrifjutat Xejn = l-ebda deċiżjoni meħuda |
+ | + | Test konġunt adottat |
| − | Il-Parlament jista’ jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu | ||
| Xejn | Test konġunt adottat | ||
| Xejn | + | Test konġunt adottat | |
| − | Abbozz ta’ baġit ġdid mill-Kummissjoni | ||
| Xejn | Test konġunt adottat | ||
| − | + | Abbozz ta’ baġit ġdid mill-Kummissjoni | |
| − | Abbozz ta’ baġit ġdid mill-Kummissjoni | ||
| Xejn | Abbozz ta’ baġit ġdid mill-Kummissjoni |
Il-proċedura baġitarja tal-UE nbidlet b’mod sinifikanti matul is-snin. Illum, il-Parlament Ewropew jikkondividi r-responsabbiltà sħiħa mal-Kunsill għall-adozzjoni tal-baġit annwali tal-UE. Iżda dan mhux dejjem kien il-każ.
A. L-istadji bikrin
Qabel l-1970, il-Kunsill waħdu kellu s-setgħa li jiddeċiedi l-baġit tal-UE. Il-Parlament seta’ jagħti biss l-opinjoni tiegħu (proċedura ta’ konsultazzjoni). Dan beda jinbidel bis-saħħa ta’ żewġ trattati importanti:
- Fl-1970, it-Trattat tal-Lussemburgu ta lill-Parlament l-aħħar kelma dwar “nefqa mhux obbligatorja”. Dan ġie definit bħala nefqa li ma rriżultatx mit-trattati u l-leġiżlazzjoni relatata. Fl-1970, in-nefqa mhux obbligatorja kienet tammonta għal madwar 8% tal-baġit iżda, maż-żmien, żdiedet b’mod sinifikanti u, sal-2010, qabżet is-60% tal-baġit.
- Fl-1975, it-Trattat ta’ Brussell ta lill-Parlament id-dritt li jiċħad il-baġit kollu tal-UE.
B. Bidliet ewlenin bis-saħħa tat-Trattat ta’ Lisbona
Fl-2009, it-Trattat ta’ Lisbona mmarka punt ta’ bidla billi:
- Neħħa d-distinzjoni bejn in-nefa obbligatorja u n-nefqa mhux obbligatorja;
- Introduċa qari uniku tal-abbozz ta’ baġit minn kull istituzzjoni – jiġifieri, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament issa jeżaminaw u jivvotaw dwar il-proposta tal-baġit darba biss, minflok ma jgħaddu minn żewġ ċikli ta’ rieżami u emendi;
- Stabbilixxa l-kodeċiżjoni baġitarja, li tagħti lill-Parlament u lill-Kunsill setgħa ugwali fl-adozzjoni tal-baġit.
Din ir-riforma ssimplifikat il-proċedura u għamlitha aktar effiċjenti u trasparenti.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
A. Is-setgħat mogħtija mill-Artikolu 314 tat-TFUE
Il-Parlament issa għandu setgħat konġunti mal-Kunsill biex jiddetermina n-nefqa baġitarja globali.
Il-pożizzjoni tal-Parlament tista’ titqies iżjed b’saħħitha minn dik tal-Kunsill, għax il-Kunsill qatt ma jista’ jimponi baġit mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament, filwaqt li l-Parlament jista’ f’xi ċirkostanzi jinforza baġit anki jekk il-Kunsill ma jaqbilx.
Madankollu, dan huwa pjuttost improbabbli u l-proċedura baġitarja l-ġdida hija deskritta l-aħjar bħala proċess ibbilanċjat ta’ kodeċiżjoni, fejn kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill għandhom rwoli ugwali fid-deċiżjoni dwar l-infiq kollu tal-UE.
B. L-influwenza strateġika tal-Parlament fuq il-baġit tal-UE
Il-kapaċità tal-Parlament li jirrifjuta l-baġit tenfasizza l-influwenza u r-responsabbiltà tiegħu biex jiżgura li l-pjanijiet finanzjarji jallinjaw mal-prijoritajiet tiegħu u mal-interessi taċ-ċittadini tal-UE. Il-Parlament eżerċita din l-awtorità b’mod selettiv u strateġiku matul is-snin.
Minn meta l-Parlament kiseb is-setgħa li jirrifjuta l-baġit fl-intier tiegħu fl-1975, huwa għamel dan darbtejn, f’Diċembru 1979 u f’Diċembru 1984.
C. Il-baġit tal-2025
Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju dwar il-baġit tal-2025 fis-16 ta’ Novembru 2024, qabel l-iskadenza tal-konċiljazzjoni. Il-Kunsill adotta l-baġit finali fil-25 ta’ Novembru 2024, u l-Parlament approvah fil-plenarja fis-27 ta’ Novembru 2024. Il-baġit tal-2025 jistabbilixxi total ta’ EUR 199.4 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 155.2 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament.
Matul in-negozjati, il-Parlament kiseb EUR 230.7 miljun addizzjonali għall-baġit tal-UE tal-2025 meta mqabbel mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Dan il-finanzjament addizzjonali qed jappoġġa diversi prijoritajiet ewlenin bħal:
- ir-riċerka u l-innovazzjoni;
- is-saħħa,
- l-edukazzjoni,
- l-appoġġ għal bdiewa żgħażagħ,
- il-bijodiversità u l-azzjoni klimatika,
- il-ġestjoni tal-fruntieri,
- l-għajnuna umanitarja.
Il-finanzjament qed jgħin ukoll biex jitħallas lura s-self relatat mal-COVID-19.
Il-baġit tal-2025 kien l-ewwel baġit annwali li ġie adottat wara r-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (il-pjan ta’ nfiq tal-UE fuq perjodu ta’ seba’ snin) fi Frar 2024.
Il-koordinazzjoni tal-proċedura baġitarja tal-UE
Il-ġestjoni effettiva tal-baġit tal-UE tiddependi fuq oqfsa u politiki kkoordinati. Il-ftehimiet interistituzzjonali, l-oqfsa finanzjarji pluriennali u s-Semestru Ewropew huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-infiq tal-UE jkun ippjanat sew u jinżamm fil-limiti approvati, u li l-politiki ekonomiċi jkunu konsistenti madwar l-UE.
A. L-oqfsa finanzjarji pluriennali
L-oqfsa finanzjarji pluriennali huma pjanijiet finanzjarji fit-tul li jiddeskrivu l-prijoritajiet tal-baġit tal-UE u l-limiti tal-infiq fuq diversi snin. L-oqfsa finanzjarji pluriennali ma jissostitwux il-proċedura baġitarja annwali, iżda jipprovdu approċċ strutturat għall-ippjanar u l-istabbiltà finanzjarji. Il-qafas finanzjarju pluriennali attwali jkopri l-perjodu mill-2021 sal-2027.
Skont it-Trattat ta’ Lisbona u r-Regolament Finanzjarju, il-baġit annwali jrid jibqa’ fil-limiti stabbiliti mill-qafas finanzjarju pluriennali, li min-naħa tiegħu jrid jaderixxi mal-limiti massimi tal-infiq stabbiliti fid-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji.
B. Ftehimiet interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja
C. Bi tweġiba għat-tilwimiet ripetuti dwar il-bażi legali għall-implimentazzjoni tal-baġit, l-istituzzjonijiet adottaw dikjarazzjoni konġunta fl-1982 biex jgħinu ħalli jikkjarifikaw u jissimplifikaw il-proċedura baġitarja.
Dan wassal għal sensiela ta’ ftehimiet interistituzzjonali li jkopru diversi perjodi mill-1988 sal-2013, u għall-aktar ftehim interistituzzjonali reċenti għall-2021-2027, li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2020. Dawn il-ftehimiet tejbu b’mod konsiderevoli l-mod kif taħdem il-proċedura baġitarja.
Il-Ftehim interistituzzjonali attwali għandu l-għan li:
- jinforza d-dixxiplina baġitarja,
- itejjeb il-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali,
- isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji,
- jiżgura ġestjoni finanzjarja soda.
Jistabbilixxi wkoll pjan għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda biex ikopru l-ħlas lura tal-Istrument ta’ Rkupru tal-UE matul il-perjodu 2021-2027.
D. Is-Semestru Ewropew
Is-Semestru Ewropew, li ġie introdott fl-2010 mill-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, huwa ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-livell tal-UE.
Oriġinarjament immirat lejn il-kisba tal-miri tal-Ewropa 2020, dan għad għandu rwol kruċjali biex jiggwida l-politiki ekonomiċi madwar l-UE.
Kull sena, is-Semestru Ewropew idum sitt xhur. Matul dan iż-żmien, il-politiki baġitarji u strutturali tal-Istati Membri jiġu rieżaminati mill-Kummissjoni biex jiġu identifikati kull inkonsistenza u żbilanċ emerġenti.
Abbażi ta’ dawn il-valutazzjonijiet ekonomiċi, il-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri gwida politika u/jew rakkomandazzjonijiet dwar ir-riformi fiskali, makroekonomiċi u strutturali.
Is-Semestru Ewropew għandu l-għan li jsaħħaħ il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri meta d-deċiżjonijiet baġitarji ewlenin ikunu għadhom qed jitħejjew fil-livell nazzjonali. Minbarra li jgħin fl-allinjament tal-baġits nazzjonali, il-Parlament ifittex ukoll li jagħmel l-aħjar użu mill-oqsma fejn il-baġits nazzjonali u l-baġit tal-UE jikkomplementaw lil xulxin, u jsaħħaħ il-koordinazzjoni bejniethom.
Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Baġits.
Eleanor Remo James