Djalogu mal-knejjes, mal-assoċjazzjonijiet jew l-komunitajiet reliġjużi, mal-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali
Fl-Ewropa tal-lum, imżewqa bid-diversità, bosta knejjes, reliġjonijiet u organizzazzjonijiet filosofiċi differenti jagħtu kontribut importanti lis-soċjetà. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jinsabu impenjati favur djalogu miftuħ ma' dawn ir-reliġjonijiet u l-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, u l-Parlament Ewropew jikkollabora magħhom b'mod attiv fil-politiki tal-UE.
Kuntest
L-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (it-TFUE) introdott mit-Trattat ta' Lisbona, jipprevedi, għall-ewwel darba, bażi ġuridika għal djalogu miftuħ, trasparenti u regolari bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-knejjes, l-assoċjazzjonijiet reliġjużi, u l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali. Dan jiddikjara:
- "L-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri.
- L-Unjoni tirrispetta wkoll l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali.
- Waqt li tirrikonoxxi l-identità u l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom, l-Unjoni għandha żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u organizzazzjonijiet."
Filwaqt li l-ewwel żewġ paragrafi ta' dan l-artikolu jipprevedu s-salvagwardja tal-istatus speċjali taħt il-liġi nazzjonali tal-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali li jgawdu minn status komparabbli, il-Paragrafu 3 jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u l-organizzazzjonijiet.
Il-Parlament Ewropew ta effett lid-dispożizzjonijiet tat-Trattat permezz tal-ħatra mill-President tiegħu ta' Viċi President responsabbli għat-tmexxija tad-djalogu. Il-Viċi President responsabbli għad-djalogu fl-ambitu tal-Artikolu 17 hija s-Sa Antonella Sberna.
Messaġġ mill-Viċi President tal-Parlament Ewropew, Antonella Sberna
Id-djalogu bejn il-Parlament Ewropew u l-knejjes, l-assoċjazzjonijiet reliġjużi u l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali fil-qafas tal-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jaqdi rwol ferm importanti, speċjalment illum, fid-dawl tax-xenarju globali mimli tensjonijiet jiħraxu, dejjem iżjed kumplessità u bidla kontinwa.
Għaldaqstant huwa unur kbir għalija li l-President Roberta Metsola fdatli din ir-responsabbiltà fil-kapaċità tiegħi bħala Viċi President tal-Parlament Ewropew. Id-djalogu li jitmexxa skont l-Artikolu 17 tat-TFUE jservi ta’ pjattaforma fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi ta’ żmienna. Joffri spazju għal diskussjoni u skambju bejn id-diversi perspettivi u tipi ta’ twemmin, li bis-saħħa tiegħu nkunu nistgħu nibnu fehim komuni rigward kwistjonijiet kruċjali għall-futur tal-Ewropa.
Biex nirrispondu b’mod effikaċi lil dawn l-isfidi, huwa essenzjali li nħeġġu d-disponibbiltà biex nisimgħu u nifhmu l-bżonnijiet ta’ xulxin. Dan l-approċċ inklużiv huwa kruċjali biex l-Unjoni Ewropea ma tkunx biss istituzzjoni ekonomika; iżda hija proġett li jsawwar ħajjet iċ-ċittadini u jħalli impatt fil-fond fiha, jirrispetta d-dinjità tal-bniedem u jappoġġja t-tfittxija tal-ġid komuni.
F’dan il-kuntest, il-knejjes, il-gruppi ta’ ispirazzjoni reliġjuża kif ukoll l-organizzazzjoni filosofiċi u mhux konfessjonali, bil-perspettivi differenti tagħhom, huma parti integrali tal-ħajja ta’ kuljum ta’ bosta Ewropej. Għeruqhom jinsabu fil-komunitajiet tas-27 Stat Membru, sew fil-bliet il-kbar, fil-bliet iż-żgħar, fl-irħula sew fl-inħawi rurali.
Jiena konvinta b’mod sod li l-promozzjoni u t-trawwim tad-djalogu fil-qafas tal-Artikolu 17 għandhom importanza kbira biex jitrawmu fehim aktar fil-fond, l-għarfien reċiproku u l-koeżistenza paċifika li, min-naħa tagħhom, isaħħu d-demokrazija tagħna billi jagħmluha aktar reżiljenti, inklużiva u reattiva għall-bżonnijiet taċ-ċittadini kollha.
Djalogu miftuħ u kostruttiv jista’ tabilħaqq jarrikkixxi l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u jagħmlu aktar trasparenti, parteċipattiv u ffukat fuq il-ġid komuni, speċjalment fi żmien meta l-isfidi politiċi u soċjali qegħdin ikunu dejjem aktar interkonnessi, kumplessi u spiss diffiċli biex jiġu interpretati.
