Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

11 ta' Ġunju 2026

Il-Kunsill Governattiv huwa impenjat li jistabbilixxi l-politika monetarja biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza ruħha fil-mira tagħha ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju. Konformi ma’ dan l-impenn, illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Il-gwerra tal-Lvant Nofsani qiegħda tiġġenera pressjonijiet fuq l-inflazzjoni, u d-deċiżjoni li nżidu r-rati hija waħda robusta fuq medda ta’ xenarji li jimmappjaw kif ix-xokk jista’ jevolvi u kif jista’ jaffettwa l-perspettiva fuq żmien medju għaż-żona tal-euro.

Fil-linja bażi tat-tbassir il-ġdid tal-persunal tal-Eurosistema, l-inflazzjoni ewlenija hija mistennija li bħala medja tkun 3.0 % fl-2026, 2.3 % fl-2027 u 2.0 % fl-2028. Għall-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u tal-ikel, il-linja bażi tbassar medja ta’ 2.5 % fl-2026 u fl-2027 u 2.2 % fl-2028. Meta mqabbla ma’ Marzu, il-persunal irreveda ’l fuq it-tbassir tal-linja bażi tiegħu għall-inflazzjoni fl-2026 u fl-2027 minħabba tendenza ogħla għall-prezzijiet tal-enerġija, li, sa ċertu punt, hija mistennija li titma’ l-inflazzjoni tal-ikel, tal-oġġetti u tas-servizzi. Il-linja bażi tara tkabbir ekonomiku b’medja ta’ 0.8 % fl-2026, 1.2 % fl-2027 u 1.5 % fl-2028. Dan huwa reviżjoni ’l isfel għall-2026 u għall-2027, u dan jirrifletti impatt aktar evidenti tal-gwerra fuq is-swieq tal-komoditajiet, id-dħul reali u l-kunfidenza.

Il-perspettiva tibqa’ waħda inċerta, b’riskji ’l fuq għall-inflazzjoni u b’riskji ’l isfel għat-tkabbir ekonomiku. L-implikazzjonijiet sħaħ tal-gwerra għall-inflazzjoni u għat-tkabbir fuq żmien medju se jiddependu fuq l-intensità u fuq id-durata tax-xokk tal-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll fuq l-iskala tal-effetti indiretti u sekondarji tiegħu. Din l-inċertezza hija riflessa wkoll fil-medda wiesgħa tar-riżultati għall-inflazzjoni u għat-tkabbir fix-xenarji illustrattivi aġġornati mpoġġija flimkien mill-persunal tal-Eurosistema. Dawn se jiġu ppubblikati mal-projezzjonijiet tal-persunal fuq is-sit web tal-BĊE.

Bid-deċiżjoni tal-lum, il-Kunsill Governattiv jibqa’ f’pożizzjoni tajba biex jinnaviga l-inċertezza kkawżata mill-gwerra. Se jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u se jsegwi approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex jiddetermina l-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-perspettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex qed jimpenja ruħu minn qabel għal xi direzzjoni partikolari fir-rigward tar-rati.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità ta’ self marġinali se jiżdiedu bi 2.25 %, bi 2.40 % u bi 2.65 % rispettivament, b’effett mis-17 ta’ Ġunju 2026.

Il-programm ta' xiri ta' assi (APP) u l-programm ta’ xiri għall-emerġenza (PEPP)

Il-portafolli tal-APP u tal-PEPP qed jonqsu b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema ma għadhiex tinvesti mill-ġdid il-pagamenti tal-kapital kollha mit-titoli li jimmaturaw.

***

Il-Kunsill Governattiv huwa lest sabiex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu sabiex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħha ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju u li jippreserva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trasmissjoni huwa disponibbli sabiex jiġġieled dinamiċi tas-suq mhux mixtieqa u fixkiela li joħolqu theddida serja għat-trasmissjoni tal-politika monetarja fost il-pajjiż taż-żona tal-euro kollha, b’hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv jagħti riżultati effettivi għall-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal- prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja