Ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-politiki esterni 

B’liema mod il-Parlament Ewropew jikkontribwixxi għall-politiki esterni tal-UE?

Il-Parlament Ewropew żviluppa rwol importanti fit-tiswir tal-mod kif l-UE tinteraġixxi mal-pajjiżi terzi. Il-Parlament juża sensiela ta’ strumenti, fosthom is-setgħat formali tiegħu u l-influwenza politika tiegħu, kif ukoll xi inizjattivi innovattivi biex jikkontribwixxi għad-diplomazija tal-UE u jgħin ħalli jintlaħqu l-objettivi tat-trattati tal-UE.

Mill-istħarriġiet joħroġ li ċ-ċittadini tal-UE jqisuha importanti l-politika barranija, b’mod partikolari dik relatata mas-sigurtà u d-difiża, u din l-importanza hija riflessa fl-involviment dejjem akbar tal-Parlament fil-politiki kollha ċċentrati fuq kwistjonijiet u pajjiżi lil hinn mill-UE.

Is-setgħat formali tal-Parlament Ewropew fil-politiki esterni

Il-Parlament jista’ juża s-setgħat leġiżlattivi, ta’ superviżjoni u baġitarji tiegħu biex isawwar il-politiki esterni:

  • Setgħa leġiżlattiva: il-Parlament, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jadotta liġijiet f’oqsma bħall-kummerċ u l-għajnuna barranija, kif ukoll f’oqsma politiċi oħra b’dimensjoni esterna importanti, bħall-migrazzjoni, il-klima, l-enerġija u l-kwistjonijiet diġitali.
  • Superviżjoni tal-ftehimiet internazzjonali: il-Parlament għandu japprova l-biċċa l-kbira tal-ftehimiet tal-UE ma’ reġjuni jew pajjiżi terzi u mbagħad jaċċerta ruħu li jiġu applikati b’mod korrett.
  • Kontroll parlamentari: il-Parlament jissorvelja l-attivitajiet tal-politika barranija tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u jżommhom responsabbli tal-operat tagħhom.
  • Setgħa baġitarja: il-Parlament, flimkien mal-Kunsill, japprova l-baġit tal-UE u jiżgura li l-fondi jintużaw kif suppost, anki fil-qasam tal-politiki esterni, bħall-fondi li jintefqu fuq l-għajnuna għall-kooperazzjoni fl-ambitu tal-fond Ewropa Globali.

B’liema mod il-Parlament juża d-diplomazija parlamentari biex jinvolvi ruħu fil-politika esterna? 

1. Djalogu politiku mal-awtoritajiet

Il-Parlament jiddjaloga mal-gvernijiet, mal-parlamenti u mas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi terzi b’diversi modi:

  • Impenji internazzjonali: id-diplomazija ta’ livell għoli hija mmexxija mill-President u minn Membri ewlenin tal-Parlament Ewropew.
  • Attivitajiet fil-kumitati: il-Membri tal-Parlament Ewropew ikollhom diskussjonijiet ma’ uffiċjali u rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi, inklużi skambji regolari mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament.
  • Networks interparlamentari: id-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Membri tal-Parlament Ewropew jiżviluppaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi oħra, u spiss jirrappreżentaw l-UE fl-organi interparlamentari stabbiliti minn ftehimiet internazzjonali.
  • Żjarat uffiċjali: il-Membri tal-Parlament Ewropew iżuru pajjiżi terzi, fejn jiltaqgħu ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati u rappreżentanti biex jissaħħu l-fehim u l-kooperazzjoni.
  • Parteċipazzjoni f’konferenzi u f’fora internazzjonali: il-Parlament huwa rrappreżentat fil-laqgħat parlamentari ta’ gruppi ta’ nazzjonijiet bħall-G7 u l-G20.

2. Influwenza fuq il-politika barranija

Huwa u jaqbel formalment fuq pożizzjoni fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar kwistjonijiet ta’ politika barranija, il-Parlament jikkontribwixxi biex isawwar il-pożizzjonijiet u l-istrateġiji tal-UE dwar il-kwistjonijiet esterni, fosthom:

  • Drittijiet tal-bniedem u demokrazija: il-Parlament jindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jippromwovi l-valuri demokratiċi f’pajjiżi jew f’reġjuni speċifiċi.
  • Rapporti dwar politiki: il-Parlament jivvaluta l-progress f’dawk li huma tkabbir tal-UE, ftehimiet internazzjonali u objettivi tal-politika barranija.

3. Sostenn għad-demokrazija fid-dinja kollha

L-isforzi tal-Parlament biex jippromwovi d-demokrazija u jibni kulturi parlamentari sodi huma mmexxija mill-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet tiegħu. L-attivitajiet ewlenin tal-grupp jinkludu:

  • Tisħiħ tal-kapaċitajiet parlamentari: il-Parlament isostni lill-korpi leġiżlattivi fil-pajjiżi terzi.
  • Osservazzjoni elettorali: il-Parlament jorganizza missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali f’6 sa 10 lokalitajiet fis-sena.
  • Medjazzjoni, faċilitazzjoni u djalogu: il-Parlament iħeġġeġ il-paċi u l-fehim permezz ta’ inizjattivi bħad-Djalogi Jean Monnet u l-Programm għal Mexxejja Politiċi Żgħażagħ.
  • Promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem: il-Parlament jirrikonoxxi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-Premju Sakharov u jsostni lill-parlamentari nisa permezz tal-programm Simone Veil.

Kooperazzjoni effettiva bejn il-kumitati, id-delegazzjonijiet u l-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-Parlament tiżgura li l-attivitajiet tal-UE fil-pajjiżi terzi jkunu effikaċi u koerenti. Is-sostenn jiġi minn persunal amministrattiv ikkwalifikat, uffiċċji ta’ kollegament fl-Istati Membri tal-UE u fi bliet bħal Washington u Londra, kif ukoll minn persunal tal-Parlament sekondat fir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-UE.

Għaliex id-diplomazija parlamentari hija importanti?

Id-diplomazija parlamentari tibni fiduċja u toħloq sħubijiet fit-tul mal-parlamenti tad-dinja kollha. Tgħin lill-parlamenti tal-pajjiżi terzi jikkonformaw ruħhom mal-valuri u mal-liġijiet tal-UE, u b’hekk jiġu żviluppati rabtiet aktar stretti u l-pajjiżi jkunu jistgħu jagħmlu progress biex jidħlu fl-UE. Barra minn hekk, tqarreb il-politika barranija tal-UE lejn iċ-ċittadini, u b’hekk tiżgura t-trasparenza u d-dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet kruċjali.

Permezz tal-politiki esterni tiegħu, il-Parlament mhux biss isawwar ir-relazzjonijiet esterni tal-UE, iżda jsaħħaħ ukoll il-pożizzjoni tiegħu ta’ promotur globali tad-demokrazija, tal-paċi u tad-drittijiet tal-bniedem.

Segwi d-Diplomazija tal-Parlament Ewropew fuq Instagram, Threads, X, LinkedIn jew Bluesky